Delegazzjoni Maltija Fl-Irlanda Biex Tkompli D-Diskussjonijiet Dwar Ir-Riforma Tal-Work-Life Balance

Delegazzjoni Maltija mmexxija mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni, Andy Ellul, bħalissa tinsab f’Dublin, l-Irlanda, għal żjara ta’ konsultazzjoni bil-għan li jiġu esplorati modi kif Malta tista’ tkompli ssaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Matul din iż-żjara ta’ jumejn saru diversi laqgħat li ffukaw fuq l-aqwa prattiċi relatati ma’ numru ta’ oqsma, b’mod partikolari l-Remote Working u r-Right to Disconnect.

Aspett importanti ta’ din iż-żjara kien l-iskambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Id-delegazzjoni Maltija qasmet l-esperjenza ta’ Malta fir-rigward tal-Miscarriage Leave, hekk kif il-Gvern Irlandiż qed jikkunsidra kif jista’ jintroduċi dan it-tip ta’ leave.

Il-mudell Malti f’dan il-qasam ġie rikonoxxut mill-awtoritajiet Irlandiżi waqt laqgħat li saru mal-Ministeru għall-Intrapriża, it-Turiżmu u x-Xogħol, kif ukoll mad-Deputat Irlandiża Emer Currie, li ltaqgħu mas-Segretarju Parlamentari Ellul.



Dr Ellul spjega li l-Gvern Irlandiż talab aktar informazzjoni dwar dan il-mudell minħabba li l-qafas Malti huwa meqjus bħala wieħed uniku fuq livell internazzjonali. Fl-istess waqt, fil-kuntest tar-riforma tal-Work-Life Balance li tnediet il-ġimgħa li għaddiet, l-Irlanda – bħala wieħed mill-ftit pajjiżi li diġà implimentaw dawn il-miżuri – qed taqsam l-esperjenza tagħha ma’ Malta dwar il-Remote Working u r-Right to Disconnect.



Is-Segretarju Parlamentari Ellul ħabbar ukoll li fi żmien sebat ijiem minn meta tnediet ir-riforma tal-Work-Life Balance, il-portal imniedi apposta għal dan il-għan diġà rċieva aktar minn 450 sottomissjoni minn persuni interessati li jikkontribwixxu għall-abbozz tad-dokument li aktar ’il quddiem se jitressaq għal konsultazzjoni pubblika.

Matul iż-żjara tiegħu fl-Irlanda, Ellul kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Ministru Irlandiż għall-Protezzjoni Soċjali, Dara Calleary. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq diversi temi relatati mal-ħidma li qed issir miż-żewġ pajjiżi fl-oqsma rispettivi tagħhom.

Il-Ministru Calleary irringrazzja lil Malta tal-informazzjoni mogħtija dwar il-Miscarriage Leave u sostna li huwa importanti li Malta u l-Irlanda jkomplu jaħdmu flimkien sabiex tissaħħaħ aktar ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI