Bħal ħafna għalliema oħra f’dan il-perjodu diffiċli, l-attriċi u kantanta Maltija Nakita Grima xtaqet tiddedika ħsieb mill-qalb lill-istudenti kollha speċjalment dawk li kienet tgħallem hi għal dawn l-aħħar xhur.
“B’differenza li din is-sena l-kamra tiegħi spiċċat il-klassi, l-uffiċċju li naħdem minnu. Din is-sena ma kellix l-opportunità li nifraħ mal-istudenti li għaddew u nkun ta’ spalla u wens għal dawk li ma rnexxilhomx jgħaddu. F’erba’ snin li ilni ngħallem naħseb din kienet waħda mill-aktar snin diffiċli.”
Nakita tgħid li l-irwol tal-għalliema huwa wieħed prezzjuż speċjalment meta jgħaddu s-snin u l-istudenti jibqgħu juru l-apprezzament lejn dak kollu li tkun għallimthom u jgħożżu l-memorji li bnew miegħek. Ma jonqosx li ssemmi lill-għeżież kollegi tagħha li tant ikunu hemm għal xulxin: “Ma nistax ma nsemmix il-kollegi tal-ġenn li għandi. Fl-aħħar xahar ta’ sena skolastika kulħadd ikun fuq xogħlu biex jagħlaq l-assessment tas-suġġett tiegħu. L-istress ikun naħseb fl-agħar punt imma bis-sapport li dejjem tajna lil xulxin dejjem wasalna.”
Aħna fil-waqt li nawguraw lil Nakita aktar snin sbieħ u mimlijin sodisfazzjon fil-karriera tagħha ta’ għalliema, ninagħqdu magħha u nittamaw li s-sena skolastika li jmiss tkun ħafna aħjar minn din li għadha kif għaddiet! Proset Nakita u Prosit lill-għalliema kollha!