L-artista lokali Dr Lynn Chircop Faure għamlet appell pubbliku lill-awtoritajiet u lis-Supratendenza tas-Saħħa sabiex tittieħed azzjoni b’rabta mal-kwalità tal-arja f’Malta, wara li matul din il-ġimgħa spiċċat issofri bil-bronkite. F’kitba fuq il-midja soċjali, Lynn bdiet billi rringrazzjat lil dawk kollha li bagħtulha messaġġ biex jistaqsuha kif tinsab. Spjegat li bħalissa qed tieħu diversi mediċini wara li mardet, fosthom antibijotiċi, steroids u Ventolin.
“Sfortunatament qabditni bronkite din il-ġimgħa u xbajt nisma’ kemm hawn nies morda u qed ibatu bin-nuqqas ta’ nifs f’Malta,” kitbet. Madankollu, hija għamlitha ċara li l-għan tal-post tagħha ma kienx li tiġbed is-simpatija, iżda li tqajjem diskussjoni dwar dak li hi tqis bħala problema serja marbuta mal-kwalità tal-arja f’pajjiżna.
“Inħossni obbligata nagħmel appell lill-awtoritajiet u lis-Supratendenza tas-Saħħa favur il-prevenzjoni u l-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem, għaliex nemmen li wasal iż-żmien li nħarsu lejn l-interessi tas-saħħa pubblika nazzjonali lil hinn minn kull interess individwali ieħor,” sostniet.
Lynn appellat biex, fi żminijiet meta l-kwalità tal-arja tkun ħażina, jitwaqqfu temporanjament attivitajiet mhux essenzjali li jistgħu jkomplu jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja. Hija semmiet ukoll id-diskussjoni li saret dwar it-tniġġis mill-istorbju u staqsiet għaliex, fil-fehma tagħha, mhux qed tingħata l-istess attenzjoni lill-kwalità tal-arja. “Naf biċ-ċert li hawn wisq nies li qed ibatu minħabba l-arja mniġġsa li hawn bħalissa,” kitbet.
Fost l-attivitajiet li semmiet kien hemm il-ħruq tan-nar marbut mal-festi Maltin. Hija rrikonoxxiet li proposta bħal din mhux bilfors tintlaqa’ tajjeb minn dawk li għandhom għal qalbhom dawn it-tradizzjonijiet, iżda saħqet li, fil-fehma tagħha, f’ċerti ċirkostanzi s-saħħa pubblika għandha tingħata prijorità.
“Din saret kwistjoni ta’ ħajja u mewt!” sostniet Lynn. Fl-istess kitba, hija sostniet ukoll li l-kwalità tal-arja f’Malta tinsab “sitt darbiet agħar mil-livelli li normalment jiġu kkunsidrati allarmanti”. Din hija dikjarazzjoni magħmula minn Lynn fil-post tagħha. Hija temmet billi ċċarat li l-appell tagħha mhuwiex wieħed kontra d-delizzji jew it-tradizzjonijiet, iżda sejħa għal dak li ddeskriviet bħala “l-użu tar-raġuni” meta s-saħħa tan-nies tista’ tkun affettwata.
“Dan l-appell mhux kontra d-delizzji, li fi żminijiet aħjar tgawdew bla rażan, imma favur l-użu tar-raġuni. Grazzi lil min se jieħu azzjoni,” temmet tgħid.
Facebook / Dr Lynn Chircop Faure