“In-Nota Tal-Lum Tiswa Ferm Aktar Mill-Fjuri Li Noffru Meta Nkunu Temmejna Dan Il-Vjaġġ” – Clayton Pace B’Messaġġ Mill-Qalb

Clayton Pace qasam riflessjoni mill-isbaħ dwar l-importanza li nuru l-apprezzament tagħna lejn dawk li nħobbu waqt li għadhom magħna. F’kitba fuq il-midja soċjali, Clayton tkellem dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Lenies Pace u dwar dawk il-ġesti żgħar li, minkejja li ma jiswew kważi xejn f’termini ta’ flus, għalihom għandhom valur imprezzabbli.

“Dan hu min aħna,” beda billi kiteb Clayton. Huwa żvela li sal-ġurnata tal-lum għadu jsib noti ta’ mħabba moħbija mad-dar, filwaqt li hu u Lenies għadhom jagħmlu sorpriżi żgħar u ħelwin lil xulxin ta’ kuljum. Skont Clayton, dawn il-ġesti “għalkemm ma jiswewx flus, jiswew id-dinja għar-relazzjoni tagħna”. Huwa spjega wkoll li normalment jippreferi jżomm il-ħajja personali tiegħu privata, tant li fuq il-midja soċjali jaqsam l-aktar affarijiet relatati max-xogħol u xi post okkażjonali.

Din id-darba, iżda, iddeċieda li jagħmel eċċezzjoni għal raġuni partikolari. Il-messaġġ tiegħu ma kienx biex juri x’jagħmel lilu u lil Lenies kuntenti, iżda biex iħeġġeġ lil min jaqrah jaħseb fil-persuni li jħobb u jsib mod kif jurihom kemm japprezzahom. “Ma hemm xejn isbaħ milli persuna tħossha apprezzata. Kemm jekk minn martha, u kemm jekk minn ħabib tal-qalb,” kiteb Clayton, filwaqt li żied jgħid li ħafna minn dak li aħna llum huwa frott in-nies sbieħ li għandna madwarna.

Clayton temm b’riflessjoni b’saħħitha li tiġbor il-messaġġ kollu tiegħu: “Ftakar, ‘in-nota tal-lum’ tiswa ferm aktar mill-fjuri li noffru lil xulxin meta nkunu temmejna dan il-vjaġġ.” Messaġġ sempliċi iżda importanti, kultant nota, kelma sabiħa jew ġest żgħir illum jistgħu jfissru ħafna aktar milli nimmaġinaw.

Ritratti:

Facebook / Clayton Pace

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI