L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, kiteb dwar avveniment fin-Naxxar li kellu l-pjaċir li jattendi.
Hu spjega, “Fl-okkażjoni tat-300 sena mill-wasla tal-istatwa ta’ Marija Bambina fin-Naxxar u tal-75 sena mill-konsagrazzjoni tas-Soċjeta`Mużikali Peace, li kelli l-pjaċir nattendi, bħala l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, għall-inawgurazzjoni ta’ monument artistiku li jfakkar dawn iż-żewġ anniversarji importanti.”
Żied jgħid, “Fid-diskors tiegħi sħaqt li l-wirt ma jinżammx ħaj waħdu. Dawn iż-żewġ anniversarji għandhom tifsira speċjali mhux sempliċiment għax ifakkru storja twila, iżda għax kull ġenerazzjoni għarfet tħares dak li rċeviet, iżżommu ħaj u tkompli tibni fuqu għall-ġid ta’ dawk li jiġu warajha.”
Kompla jikteb, “Kien ta’ pjaċir kbir niltaqa’ man-Naxxarin u napprezza mill-qrib il-wirt sabiħ li tħaddan il-Parroċċa tan-Naxxar. Ammirajt ukoll il-warda li se tiġi ppreżentata lil Marija Bambina bħala sinjal ta’ mħabba u devozzjoni.”
Facebook / Carmelo Abela