Dr Miriam Sciberras Tingħata L-Yvette Guillaumier Award Għall-Ħidma U L-Impenn Tagħha

Dr Miriam Sciberras ingħatat l-Yvette Guillaumier Award mill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa (NCW), bħala rikonoxximent għall-ħidma, it-tmexxija u l-impenn tagħha fis-soċjetà.

Il-premju ġie ppreżentat waqt il-Foundation Day Dinner tal-NCW li sar fil-25 ta’ Settembru f’AX Palazzo Capua, Tas-Sliema. Dan il-premju annwali jirrikonoxxi nisa li permezz tal-kisbiet, id-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom, jagħtu kontribut lill-komunità u jservu ta’ ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet futuri.

L-Yvette Guillaumier Award twaqqaf minn Anthony Guillaumier b’tifkira ta’ martu Yvette, bl-għan li l-legat tagħha jibqa’ jiġi mfakkar permezz tar-rikonoxximent ta’ nisa li jirriflettu valuri u kwalitajiet li kienu għal qalbha.Din is-sena, il-kumitat għażel lil Dr Miriam Sciberras għall-kisbiet tagħha, il-ħidma tagħha favur il-komunità, it-tmexxija, il-perseveranza u l-impenn li dejjem uriet.

Dr Sciberras għandha M.A. fil-Bijoetika mill-Università ta’ Malta u hija l-Kap Eżekuttiv tal-Life Network Foundation Malta. Permezz tal-irwol tagħha, hija involuta f’ħidma relatata mal-bijoetika, is-saħħa, l-appoġġ lin-nisa waqt it-tqala u d-dibattitu pubbliku dwar l-abort u l-etika riproduttiva. Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa feraħ lil Dr Sciberras għal dan ir-rikonoxximent u għall-kontribut tagħha lejn is-servizz fil-komunità u l-kawżi li tirrappreżenta.

Prosit lil Dr Miriam Sciberras għal dan ir-rikonoxximent!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI