Investiment ta’ €12.8 miljun se jkun qed isir fuq perjodu ta’ sentejn għal proġetti infrastrutturali fil-komunitajiet madwar Malta, permezz ta’ ftehim bejn id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali. Il-fondi se jintużaw għal proġetti marbuta fost l-oħrajn mal-manutenzjoni, l-aċċessibbiltà, it-titjib tal-bankini u spazji pubbliċi. L-investiment żdied minn €10 miljun għal €12.8 miljun.

Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli qalet li l-għan huwa li l-Kunsilli Lokali jingħataw aktar riżorsi biex iwettqu proġetti li jirriflettu l-bżonnijiet tar-residenti. "Qed inżidu l-investiment fil-komunitajiet tagħna għal €12.8 miljun biex nagħtu lill-Kunsilli Lokali aktar għodda biex iwettqu l-proġetti li verament għandhom bżonn ir-residenti tagħhom," qalet il-Ministru.

Il-Kunsilli Lokali se jkunu jistgħu jidentifikaw huma stess il-proġetti li jqisu bħala prijorità għal-lokalitajiet tagħhom, abbażi tal-ħtiġijiet tar-residenti. Il-ħidma se ssir b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, b’baġits u skedi ta’ żmien stabbiliti għal kull proġett.

Matul l-aħħar sentejn, permezz tal-ftehim preċedenti, saru 123 proġett infrastrutturali f’diversi lokalitajiet madwar Malta. Il-ftehim il-ġdid mistenni jwassal għal aktar proġetti bil-għan li l-ispazji pubbliċi jsiru aktar siguri, aċċessibbli u ta’ kwalità għar-residenti.