Mis-Suċċess Waqt L-Ironman Għall-Afrika – 2,000 Kilometru F’10 Jiem Għal Kawża Prezzjuża

Vincenzo in Valletta

Wara li rrappreżenta lil Malta waqt l-Ironman, Vincenzo Garofalo ddeċieda li juża d-determinazzjoni u l-passjoni tiegħu għall-isport biex jagħti lura lill-komunità.

Flimkien ma’ LifeCycle Malta u 18-il parteċipant ieħor, se jiffaċċja sfida ta’ 2,000 kilometru f’10 ijiem madwar il-Kenja, l-Uganda u r-Rwanda, b’għan li jqajjem kuxjenza dwar il-mard tal-kliewi u jinġabru fondi għar-riċerka u għall-għajnuna prattika lil dawk affettwati.

Wara li temm l-Ironman bil-bandiera Maltija fuqu, Vincenzo għażel li jagħmel il-pass li jmiss tiegħu mhux biss għalih innifsu, iżda għal kawża li tmiss il-ħajja ta’ ħafna nies.

Hekk bdiet il-preparazzjoni tiegħu għall-isfida li jmiss ma’ LifeCycle Malta.

Grupp ta’ 19-il persuna se jiffaċċja waħda mill-aktar esperjenzi impenjattivi tagħhom s’issa: 2,000 kilometru f’10 ijiem, fuq ir-rota, mill-Kenja għall-Uganda u mbagħad lejn ir-Rwanda.

Tliet pajjiżi. Għaxart ijiem. Eluf ta’ kilometri.

Il-missjoni ta’ LifeCycle Malta hi li tqajjem kuxjenza dwar il-mard tal-kliewi u tiġbor fondi biex tappoġġja r-riċerka u l-istudji fl-Università ta’ Malta, filwaqt li tipprovdi wkoll għajnuna prattika lil persuni li jgħixu b’kundizzjonijiet relatati mal-kliewi.

Għal Vincenzo, din l-isfida mhix sempliċement kwistjoni ta’ kemm jista’ jimbotta lil ġismu.

Wara dak kollu li għadda minnu u wara li ġarr il-bandiera Maltija sal-aħħar tal-Ironman, issa għażel li jagħti lura lill-komunità li kienet ta’ appoġġ għalih.

Tliet sigħat fuq ir-rota fil-Belt Valletta

Il-kampanja ta’ għarfien diġà bdiet f’Malta.

Nhar il-Ġimgħa, 21 ta’ Awwissu, fil-Belt Valletta, qrib il-Qrati tal-Ġustizzja, Vincenzo għamel tliet sigħat konsekuttivi fuq rota stazzjonarja.

Taħriġ li nbidel f’opportunità biex jiltaqa’ man-nies, jaqsam l-istorja wara din il-missjoni u jqajjem kuxjenza dwar il-mard tal-kliewi, ir-riċerka u l-importanza tal-appoġġ għal dawk affettwati.

Mhux biss sfida fiżika

Il-vjaġġ mhux se jkun faċli, iżda l-akbar motivazzjoni se tkun il-fatt li wara kull kilometru hemm kawża vera. Vincenzo jaf dan aktar minn ħafna oħrajn.

“Il-limiti qegħdin f’moħħna.” - Sentenza li tirrappreżenta ferm aktar minn sempliċi mentalità sportiva. Tirrifletti mod ta’ ħajja.

U messaġġ wieħed, sempliċi iżda qawwi li qasam magħna Vincenzo:

'Meta l-isport ma jibqax biss sfida personali u jsir mezz biex tgħin lil ħaddieħor, kull kilometru jieħu tifsira kompletament differenti.'

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI