Il-paġna ta’ Puttinu Cares qasmet messaġġ ta’ ringrazzjament u apprezzament lejn Rhysin Farrugia, li rnexxielu jiġbor is-somma sabiħa ta’ €4,538 b’risq din l-organizzazzjoni li tagħti sostenn lil tfal u familji li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli minħabba l-mard.
Din l-inizjattiva sabiħa saret waqt Żejt iż-Żejtun, fejn Rhysin biegħ luminata magħmula minn lumi frisk, u b’ħafna ħidma, dedikazzjoni u qalb kbira rnexxielu jibdel inizjattiva sempliċi f’ġest mill-isbaħ ta’ solidarjetà.
Għal din l-attività ntużaw xejn inqas minn 60 kilo lumi, li permezz tagħhom inġabret din is-somma li se tgħin lil Puttinu Cares fil-missjoni prezzjuża tagħhom.
Puttinu Cares faħħret lil Rhysin għal din l-inizjattiva u rringrazzjatu tal-ġenerożità u l-impenn tiegħu. L-għajnuna tagħha kienet parti importanti minn din l-inizjattiva, li turi kemm l-appoġġ tal-familja jista’ jwassal għal riżultati mill-isbaħ.
Prosit lil Rhysin u lil ommu Richielle għal dan il-ġest sabiħ li mhux biss ġabar somma sostanzjali għal Puttinu Cares, iżda wassal ukoll messaġġ ta’ tama, ġenerożità u solidarjetà.
Facebook/ Puttinu Cares