Żagħżugħa Maltija ta’ 14-il sena se tkun qed ixxejjer il-bandiera Maltija fuq palk internazzjonali, hekk kif Emma Scerri ntgħażlet biex tirrappreżenta lil Malta fil-finali ta’ Miss Teen Petite International 2027 f’El Salvador. Emma kisbet din l-opportunità wara s-suċċess tagħha f’Scalea, f'Calabria, l-Italja, fejn il-prestazzjoni tagħha wasslitha biex tikseb id-dritt li tirrappreżenta lil pajjiżna fl-edizzjoni internazzjonali.
Din se tkun okkażjoni aktar speċjali hekk kif Emma mistennija ssir l-ewwel rappreżentanta Maltija li qatt ħadet sehem f’din il-kompetizzjoni internazzjonali. Miss Teen Petite International twaqqfet f’El Salvador mid-direttur internazzjonali tal-pageants Francisco Cortez u matul is-snin laqqgħet flimkien rappreżentanti żgħażagħ minn diversi pajjiżi madwar id-dinja.

F’edizzjonijiet riċenti ħadu sehem kontestanti minn pajjiżi fosthom il-Portugall, l-Afrika t’Isfel, l-Istati Uniti, il-Messiku, il-Brażil, Puerto Rico, il-Paragwaj, il-Panama, Costa Rica, il-Venezwela u l-Italja. L-esperjenza ma tikkonsistix biss fis-serata finali. Il-parteċipanti jieħdu sehem f’numru ta’ attivitajiet u assessjar differenti, li f’edizzjonijiet preċedenti kienu jinkludu preżentazzjonijiet tal-moda u fuq ir-runway, fotografija, taħdit fil-pubbliku, kompetizzjonijiet preliminari u attivitajiet kulturali.
Għal Emma, din l-opportunità tasal meta għad għandha biss 14-il sena u timmarka l-bidu ta’ diversi xhur ta’ preparazzjoni qabel ma tkun tista’ tirrappreżenta lil Malta quddiem parteċipanti minn madwar id-dinja. Emma, li hija rrappreżentata minn Claudia Magrin, se tkun qed tirċievi wkoll taħriġ speċjalizzat mingħand it-Taljana Andrea Zanettin, Miss Grand International Italy 2023. Il-preparazzjoni mistennija tiffoka fost l-oħrajn fuq il-kunfidenza, il-komunikazzjoni u l-preżenza tagħha fuq il-palk.

Il-vjaġġ issa jkompli lejn Mejju tal-2027, meta Emma mistennija tivvjaġġa lejn El Salvador għall-finali internazzjonali. Minn Scalea fil-Calabria sa El Salvador, eluf ta’ kilometri ’l bogħod minn Malta, Emma għandha quddiemha esperjenza li żgur se tibqa’ tiftakar. Meta jasal il-mument li titla’ fuq il-palk internazzjonali, fuq is-sash tagħha se jkun hemm isem pajjiżna – Malta.
Minn Gwida, nawguraw lil Emma ħafna suċċess f’din l-avventura u fil-preparazzjoni tagħha għall-finali internazzjonali!