Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu, Dr Nicholas Briffa qasam storja taġika ta’ plejet li miet b’suwiċidju, filwaqt li appella wkoll lil dawk kollha li jbagħtu minn xi preġudizzji biex jitkellmu.
Beda billi qal, “Erba’ snin ilu instab mejjet ġewwa daru l-ex-plejer żgħażugħ ta’ 20 sena ta’ AC Milan. Is-suwiċidju ta’ Seid Visin hija traġedja li tħallik bla nifs u li quddiemha kull kelma hija superfluwa. Seid kien ta’ nisel Etjopjan u wasal l-Italja meta kellu 7 snin.”
Żied jgħid, “Aħbar li tħallik tirrifletti fis-skiet, fl-uġigħ u fin-niket. It-tgħanniqa tiegħi tmur għall-ġenituri tiegħu, għal ħbiebu, għall-komunità Nocera Inferiore li fiha trabba u għal dawk kollha li kellhom ix-xorti li jkunu jafu u japprezzaw lil dan it-tifel mill-isbaħ minn ġewwa u minn barra. Kemm hi saħansitra aktar terribbli meta niftakru li r-raġuni traġika ta’ mewtu kienet immotivata minn episodji koroh ta’ razziżmu kontrih. Kemm huwa sew li noqgħodu għassa għal kwalunkwe tip ta’ razziżmu, iżda wkoll li ma nittollerawx l-ebda forma ta’ mistħija psikoloġika (bl-ingliż l-emozzjoni ta’ ‘shame’) minħabba l-kulur tal-ġilda.”
Qal ukoll, “Din hija biċċa mill-ittra li kiteb Seid fl-2019 – “Kull fejn immur, inħoss il-piż tal-ħars xettiku u imbeżża’ tan-nies lejja. Minkejja li jiena immigrant (…) ftakar li kulħadd ħabbni”, kiteb Visin. “Kont irnexxieli nsib xogħol imma kelli nirreżenja minnu għax ħafna nies, speċjalment anzjani, irrifjutaw li naqdihom jiena, għax iswed. Bħallikieku ma kontx diġà qed inħossni skomdu!” “Kienu jaqbdu miegħi b’mod razzjali għax ħafna żgħażagħ Taljani (bojod) ma setgħux isibu xogħol. Xi ħaġa nbidlet ġo fija, bħallikieku bdejt nistħi li jiena iswed”.”
Temm billi żied jgħid, “Ejja ma ninsewx li min ibati mir-razziżmu probabli jbati minn preġudizzji oħrajn ukoll. Il-preġudizzji huma relatati ma’ diversi kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali. Jekk inti tbati mir-razziżmu, ksenofobija jew preġudizzji oħrajn jew inkella inti vittma tar-razziżmu tiddejjaq xejn tirrikorri għall-għajnuna.”
Facebook/Nicholas Briffa