Wara ħames deċennji ta’ esperjenza fix-xena mużikali, il-mużiċist Malti Eric Ace nieda l-ewwel album solo tiegħu, Spin Off. Dan il-proġett jimmarka għeluq il-50 sena minn meta beda l-vjaġġ tiegħu fil-mużika, u huwa disponibbli kemm fuq CD kif ukoll fuq vinil.

Spin Off huwa album li jdur prinċipalment madwar il-mużika elettronika, iżda jinkorpora wkoll influwenzi minn diversi stili oħra. Il-ħila ta’ Eric bħala kitarrist tibqa’ element ewlieni tul il-produzzjoni kollha, bil-kitarra tintrama b’mod naturali mal-ħoss elettroniku. L-album jinkludi wkoll influwenzi ta’ funk, disco u reggae, li flimkien joħolqu ħoss frisk u varjat.
Il-karriera ta’ Eric Ace bdiet lura fl-1976 meta, bħala żagħżugħ fil-Gżira, irċieva l-ewwel kitarra tiegħu u beda jikteb kanzunetti oriġinali flimkien ma’ sħabu. Dik il-passjoni wasslitu biex jibni karriera twila, l-aktar bħala membru tal-grupp X-Tend, li permezz tiegħu tela’ fuq palkijiet f’diversi pajjiżi fosthom l-Italja, Franza, l-Iżvizzera, il-Ġermanja, it-Turkija, it-Tuneżija u l-Awstralja.

Għalkemm dan huwa l-ewwel album uffiċjali tiegħu bħala artist solista, Eric ilu jikteb u jikkomponi mużika kemm għalih innifsu kif ukoll għal artisti oħra sa mill-1985. Tul is-snin ħa sehem f’diversi festivals u kunċerti, inklużi erba’ finali tal-Malta Song for Europe, filwaqt li fl-1990 rebaħ il-Yamaha Keyboard Competition.
Il-produzzjoni ta’ Spin Off saret b’kollaborazzjoni mal-producer Andrej Ljatkovski, li kien responsabbli mir-reġistrazzjoni, il-produzzjoni, il-mixing u l-mastering tal-album. Id-disinn tal-qoxra ġie fdat f’idejn Ivan Sciberras, filwaqt li l-video tal-ewwel single, Shivers, ġie prodott minn Myles. Intant, il-video tas-silta strumentali Intergalactic ġie maħdum minn Jo Pisani.
L-album ġie rilaxxat permezz ta’ 141 Records u issa huwa disponibbli kemm fuq CD kif ukoll fuq vinil.