L-Għaxaq Music Festival 2026 se jirritorna b'edizzjoni li qed twiegħed li tkun l-akbar u l-aktar waħda diversa fl-istorja tal-festival. Mifrux fuq tliet iljieli, il-programm ta' din is-sena se jgħaqqad l-eċċitament tal-Finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, il-mużika leġġendarja Taljana u l-aqwa talent internazzjonali u Malti fix-xena tad-dance music.

L-edizzjoni ta' din is-sena se ssir fid-19, il-21 u l-24 ta' Lulju u tifforma parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-400 anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa ta' Ħal Għaxaq. Il-festival jiftaħ il-bibien tiegħu nhar il-Ħadd 19 ta' Lulju b'xandira diretta u bla ħlas tal-Finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fuq l-akbar skrin f'Malta. Il-Grounds ta' Ħal Għaxaq se jinbidlu f'Fan Zone b'food stalls, bars, żona għat-tfal u divertiment għall-familja kollha, filwaqt li DJ Pierre Cordina se jiftaħ is-serata qabel tibda l-partita.

Fit-21 ta' Lulju, il-palk se jilqa' lill-grupp leġġendarju Taljan Ricchi e Poveri, li matul il-karriera tagħhom biegħu aktar minn 22 miljun diska u taw lid-dinja suċċessi li baqgħu popolari għal għexieren ta' snin, fosthom Sarà perché ti amo, Mamma Maria u Che sarà. Qabel il-kunċert se jtella' spettaklu Kevin Paul Calleja & Band, filwaqt li Alex Grech jagħlaq is-serata b'party mimli klassiċi tas-snin tmenin.

Il-qofol tal-festival jasal nhar l-24 ta' Lulju bl-ewwel prestazzjoni f'Malta ta' Padre Guilherme, magħruf madwar id-dinja bħala d-"DJ Priest". Miegħu se jingħaqdu d-duo Brittaniku POU – Product of Us, kif ukoll l-artisti Maltin JJoy, Mux u Braynod, għal lejl li jwiegħed produzzjoni ta' livell internazzjonali u waħda mill-akbar serati ta' electronic dance music li rat Malta.

Lil hinn mill-mużika, il-festival se jġorr ukoll messaġġ ta' solidarjetà. Parti mid-dħul mill-bejgħ tal-biljetti se tmur b'risq l-Embrace Diversity Organisation, li taħdem b'appoġġ għal tfal u żgħażagħ b'diżabilità.
Il-biljetti għall-kunċerti tal-21 u l-24 ta' Lulju huma disponibbli minn Showshappening, filwaqt li d-dħul għall-Finali tat-Tazza tad-Dinja fid-19 ta' Lulju se jkun kompletament bla ħlas.