Wara l-kunċert ta’ Michael Bublé li sar ilbieraħ filgħaxija fil-Park Nazzjonali Ta’ Qali, Jason Micallef faħħar kemm l-ispettaklu kif ukoll l-organizzazzjoni tal-avveniment, u sostna li dan ta bidu għal sensiela ta’ kunċerti internazzjonali li se jsiru f’Malta matul is-sajf.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, Micallef qal li eluf ta’ Maltin, flimkien ma’ numru kbir ta’ turisti, attendew għal madwar 90 minuta ta’ mużika mingħajr waqfien mill-kantant Kanadiż ta’ fama internazzjonali Michael Bublé.
Huwa ddeskriva l-wirja bħala waħda eċċezzjonali, filwaqt li faħħar ir-repertorju tal-akbar suċċessi tal-artist, il-prestazzjoni tal-orkestra live fuq il-palk u l-personalità ta’ Bublé, li qal żammet kuntatt kontinwu mal-udjenza permezz tal-umoriżmu u l-interazzjoni tiegħu man-nies preżenti.
Micallef enfasizza wkoll l-importanza tal-organizzazzjoni wara avvenimenti ta’ din il-kobor. Huwa spjega li s-sistema l-ġdida għall-immaniġġjar tat-traffiku, flimkien mal-ammont sostanzjali ta’ parkeġġi disponibbli – fosthom il-parkeġġ pubbliku ġdid b’kapaċità ta’ 500 karozza li nfetaħ xahrejn ilu – ikkontribwew biex il-wasla u t-tluq tal-attendenti saru mingħajr diffikultajiet.
Fl-istess messaġġ, irringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Park Nazzjonali Ta’ Qali, lill-uffiċjali ta’ Transport Malta u lill-organizzaturi tal-kunċert għax-xogħol li wettqu sabiex l-avveniment jgħaddi b’suċċess.
"M’hemmx isbaħ milli jkollok eluf ta’ nies jattendu kunċerti kbar bħal tal-bieraħ filgħaxija, u l-esperjenza tagħhom tkun waħda pożittiva f’kull sens u minn kull aspett," temm jgħid Micallef.
Facebook / Jason Micallef