Il-konsultazzjoni pubblika dwar tliet parks nazzjonali importanti f’Malta – White Rocks, Manoel Island u Fort Campbell – waslet fl-aħħar fażi tagħha, hekk kif Project Green ħabbret li dan il-proċess se jingħalaq nhar il-Ħamis 30 t’April.
Din il-konsultazzjoni bdiet lura f’Diċembru permezz tal-kampanja Shape Your Space, li permezz tagħha Project Green nediet inizjattiva biex tinvolvi lill-pubbliku fid-deċiżjonijiet dwar kif għandhom jiġu żviluppati dawn is-siti. Matul dawn ix-xhur, saru diversi laqgħat ma’ stakeholders differenti, li inkludew anzjani, studenti tal-iskejjel primarji u sekondarji, studenti universitarji, NGOs u wkoll Kunsilli Lokali.
Il-proċess kollu kien ibbażat fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-komunità, fejn il-pubbliku ġie mħeġġeġ biex jaqsam l-ideat tiegħu dwar kif jixtieq jara dawn il-parks jiżviluppaw fil-futur.
Permezz tal-pjattaforma Parks in Malta, kulħadd għandu l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu – minn tfal sa adulti. Tfal tal-iskola primarja jistgħu jieħdu sehem f’esperjenza interattiva bl-isem Become a Junior Steward, fejn mhux biss jitgħallmu aktar dwar l-istorja ta’ dawn is-siti, iżda wkoll jistgħu jissottomettu l-ideat tagħhom permezz ta’ attivitajiet bħal crossword puzzles, tpinġijiet u stickers elettroniċi. Parteċipazzjoni f’dawn l-attivitajiet twassal ukoll għal ċertifikat permezz ta’ sistema ta’ badges.
Għaż-żgħażagħ sa sbatax-il sena hemm ukoll Young Voices, li tippermettilhom jagħtu l-fehmiet tagħhom permezz ta’ survey dedikat fuq l-istess pjattaforma. Min-naħa l-oħra, adulti li għandhom 18-il sena jew aktar jistgħu jikkontribwixxu bl-ideat tagħhom permezz tas-sezzjoni Have Your Say.
Issa li fadal biss ftit jiem biex tingħalaq din il-konsultazzjoni, il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ biex ma jitlifx din l-opportunità u jissottometti l-opinjonijiet tiegħu qabel id-data tal-għeluq. Dawk interessati jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom billi jidħlu fuq: https://parksinmalta.mt/have-your-say/