“F’Dawn Iż-Żminijiet Tal-Milied Ejjew Nuru Ftit Tolleranza, Sensittività U Mogħdrija Lejn Xulxin” – Louise Doneo

Bis-sehem tagħha f’numru ta’ produzzjonijiet lokali fosthom Solitaire, L-Ispettur Lowell kif ukoll Miriana Coljero, l-attriċi bravissima Louise Doneo llum il-ġurnata saret magħrufa sew fix-xena lokali.

Bħalissa qed narawha ġimgħa wara l-oħra kull nhar ta’ Ħadd tippreżenta l-programm Esperti.

F’dawn il-jiem tal-Milied, it-tim ta’ Gwida.mt avviċina lil Louise fejn permezz ta’ sensiela ta’ domandi skoprejna fost oħrajn jekk hux se naraw ir-ritorn tagħha fiż-żmien li ġej bħala attriċi fit-televixin Malti.



1. Matul is-snin rajniek tieħu sehem f’diversi produzzjonijiet fosthom L-Ispettur Lowell kif ukoll Solitaire. Kien hemm xi karattru partikolari li l-iżjed ħadt gost tinterpreta?

Il-karattri li għamilt kollha jibqgħu għal qalbi però naħseb l-iżjed wieħed li kien ta’ sfida għalija biex nagħmel u anke biex jiġi ffilmjat kien ta’ Miriana Coljero fejn kelli ninterpreta żewġ karattri – dak ta’ Miriana kif ukoll ta’ Miriam, kultant fl-istess ħin u fl-istess xena.



2. Din is-sena rajna r-ritorn tal-programm Esperti. X’taħseb li huwa s-sigriet wara s-suċċess ta’ dan il-programm li dejjem irnexxielu jattira udjenza wiesa tul is-snin?

L-unika ħaġa li hi ovvja hi li l-udjenza tirrispondi tajjeb ħafna għall-ispontanjetà u l-innoċenza tat-tfal. Il-mistoqsijiet li nipprepara għal dawn it-tfal noqgħod attenta li bihom nagħtihom l-opportunità li jesprimu x’iħossu fuq diversi suġġetti imma fl-istess ħin jibqa’ divertenti.



3. Fil-ġurnata tal-Milied, x’inhu l-messaġġ li tixtieq twassal lis-segwaċi tiegħek?

Il-messaġġ tiegħi mhux xi wieħed speċjali. F’dawn iż-żminijiet fejn kulħadd jikteb li jrid fuq il-midja soċjali, nitlob għat-tolleranza, għas-sensittività u fuq kollox mogħdrija lejn xulxin il-ħin kollu.

4. Hemm xi sena partikolari fejn il-Milied għalik kien aktar speċjali minn qatt qabel u għalhekk żgur li ma tinsieh qatt?

M’hemmx xi sena partikolari għax meta konna żgħar għandi ħafna memorji sbieħ li qattajna mal-familja u llum il-ġurnata nipprova kemm jista’ jkun inqattgħu mal-familja wkoll għax kultant naqra diffiċli biex niltaqgħu matul is-sena u l-Milied jagħtina dik l-opportunità.

5. Matul is-sena li ġejja hemm xi ċans li narawk tirritorna bħala attriċi?

Iva. Fil-fatt ser inkun qed nieħu sehem fi dramm ġdid li ser jibda jixxandar fuq TVM minn Jannar li ġej bl-isem ta’ Casa Celestina bi produzzjoni, direzzjoni kif ukoll kitba ta’ Desier Debono. Ser inkun qed ninterprita l-karattru ta’ Amelia – mara b’passat misterjuż li tidher li trid takkwista Casa Celestina imma għalfejn għadna rridu niskopru.

Aħna ta’ Gwida.mt nixtiequ nirringrazzjaw lil Louise Doneo tal-ħin tagħha, filwaqt li nawguraw minn qalbna, lilha u lill-familja tagħha, l-isbaħ xewqat f’jum il-Milied.

Ritratti:

Facebook / Louise Doneo

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI