“Malli Waslet Bintna Martina Erġajt Bdejt Ngħix Il-Maġija Tal-Milied Magħha U Llum Li Kibret Xorta Bqajt Ngħożż Din Is-Sensazzjoni Maġika” – Antonella Galea Loffreda

Hekk kif jibdew joqorbu l-festi tal-Milied, bosta jerħulha jfittxu d-dawl, l-istorbju, ix-xalar u r-ritmu mgħaġġel li jġib miegħu dan il-perjodu. Min-naħa l-oħra, issib ukoll min jagħżel li jħares lejn dan iż-żmien minn lenti differenti – waħda ta’ ġabra, gratitudni u sempliċità.

F’din l-intervista, l-attriċi u preżentatriċi Antonella Galea Loffreda taqsam magħna riflessjonijiet personali dwar x’verament ifisser għaliha l-Milied, il-memorji li għadhom jgħixu f’qalbha u kif illum aktar minn qatt qabel qed tgħix din il-festa fil-kwiet tal-familja u fil-paċi magħha nnifisha.

Xi jfisser għalik il-Milied?



Għalija l-Milied ifisser imħabba u gratitudni. Il-festa tat-twelid ta’ Ġesu’ Bambin. Huwa żmien li jsaħħaħ fija is-sens ta’ gratitudni. Gratitudni lejn il-ħajja u s-sabiħ tagħha.  Gratitudni li kultant tiddisturbani xi ftit għax nirrealizza li jkun hemm perjodi fejn sforz ir-ritmu mgħaġġel tal-ħajja li ngħix ma nkunx qed napprezza kull mument, il-ħajja, l-isbaħ rigal. Gratitudni lejn il-persuni li ltqajt magħhom matul is-snin u li bis-saħħa tagħhom illum jien dik li jien.  Nammetti li bħala festa il-Milied mhix l-iktar waħda għal qalbi.  Ngħożż bil-wisq iktar il-festa tal-Għid. Jogħġobni ħafna s-sens ta’ sagrifiċċju, ġabra u riflessjoni li jwassal għall-ferħ kbir dakinhar tal-Għid il-Kbir. Inkun qed nistenna b’ħerqa ikbar din il-festa.  Pero’ iktar ma jgħaddi żmien inħoss li qed ngħix iktar il-veru sens tal-Milied fil-ġabra u l-għożża tal-familja tiegħi u b’sempliċita’ kbira wkoll. 



Hemm xi tradizzjoni li tħobb timxi magħha kull sena?

L-uniku appuntament annwali fiss tiegħi għal tant u tant snin jibqa’ l-Quddies ta’ bil-lejl. Sa ftit snin ilu, qabel il-quddiesa konna niltaqgħu għand il-kunjata.  Kienu jiġu ħut ir-raġel u n-neputijiet kollha.  Storbju sħiħ bil-Concerto di Natale fuq Canale 5 fl-isfond.  Tradizzjoni li baqgħet għaddejja għal bosta snin imma llum sfortunatament dan mhux possibbli għaliex il-kunjata m’għadhiex tgħix f’darha.  Il-kolazzjon li spiss konna nieħdu wara, fis-sigħat bikrin ta’ nhar il-Milied f’xi restaurant sabiħ illum ittrasforma ruħu f’kolazzjon fil-komunita’ tagħna jew fil-kwiet ta’ darna.  Sirt infittex ħafna iktar is-sempliċita’ u l-kwiet.  

Nhar il-Milied l-hena tiegħi nibqgħu d-dar, ikla mill-iktar sempliċi b’ħafna snacks jew kif forsi tifhimni aħjar ħafna tnaqqir u nintefgħu fis-salott naraw maratona ta’ films minn lista li nkunu ilna nippreparaw.  Fireplace, ftit tnaqqir u litteralment ma nkunx nixtieqha tgħaddi l-ġurnata. Ma tantx inħobb noħroġ mid-dar fil-Milied. Kemm jista’ jkun inħobb inqatta’ l-ġurnata d-dar mar-raġel u t-tifla.    

Fil-qasam tal-ispettaklu naturalment inħobb ninkludi xi pantomima jew tnejn fl-iskeda ta’ ħruġ.

Bhala attriċi u preżentatriċi kif tibbilanċja x-xogħol tiegħek mal-ħin tal-familja matul dan l-istaġun?



Din sfida ħelwa għaliex xogħli jibqa’ għaddej.  Kemm radju kif ukoll televiżjoni. Proġetti teatrali bħal pantomimi nista’ nevita li nkun fihom kif s’issa dejjem għamilt għax għalkemm nixtieq nesperjenzahom għadni m’iniex lesta nkun daqshekk ‘il bogħod mid-dar f’dan iż-żmien. Imma l-impenn tiegħi fix-xandir jibqa’ għaddej, kultant jiżdied ukoll.  Il-bilanċ nipprova niksbu b’ħafna ppjanar u skedar minn kmieni biex fil-ġimgħa tal-Milied nieqaf imqar għal ftit jiem.  Idealment nippjana xi safra qasira mal-familja għax hemmhekk inħossni vera ninqata’ mix-xogħol.    

  Liema memorja tal-Milied tibqa’ dejjem f’qalbek? 

Għandi ħafna ta’ meta kont tifla jien u naturalment memorji sbieħ ħafna mill-Milied ma’ binti.   Minn tfuliti niftakar ċar l-eċitament li kien ikolli meta nibdew narmaw id-dar. Niftakarni naħdem il-ktajjen bil-karti tat-tajr biex inżejnu t-taraġ. L-armar tal-Bambin u s-siġra. Il-festin tal-iskola kien avveniment speċjali. Kont nilbes l-isbaħ libsa li kien ikolli li spiss kienet tkun it-tibdila tal-festa peress li konna nkunu għadna kemm iċċelebrajna l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla. Nagħmel il-coconut balls għal sħabi.  Indur il-presepji ma’ missieri. Ma niftakarnix nemmen b’Santa Klaws li jigi fil-lejl tal-Milied.  Għalija Santa Klaws kien dak li kien jinxteħet City Gate il-Belt u li kull sena konna mmorru nieħdu ritratt miegħu. Niftakarni nfittex fuq il-gwardarobbi biex nara jirnexxilix nilmaħ xi ħjiel ta’ x’seta kien ir-rigal li se jsib postu taħt is-siġra għalija.  L-ikliet għand in-nanna maz-zijiet u l-kuġini. Id-dinner dances. F’żogħżiti nammetti li bridt minn dan kollu u l-ġenn tal-parties, rigali eċċ beda bħal donnu jnaffarni minn din il-festa iżda malli waslet bintna Martina erġajt bdejt ngħix il-maġija tal-Milied magħha u llum li kibret xorta bqajt ngħożż din is-sensazzjoni maġika u l-ferħ li jġib miegħu il-Milied meta tgħixu fil-familja. 

X’inhuma l-pjanijiet jew il-proġetti tiegħek għall-bidu tas-sena l-ġdida? Hemm xi ħaġa eċitanti li nistgħu nistennew?

Bħalissa għaddejja bil-ġbid tat-tieni sensiela ta’ Saru Maltin għal TVM. Sensiela li se tibda tixxandar kull nhar ta’ Ħamis mit-8 ta’ Jannar 2026.  Naturalment inkompli għaddejja bis-sitt edizzjoni ta’ Campus Breakfast kuljum fuq Campus 103.7.  Minn Jannar se nkompli naħdem f’tim fuq xogħol teatrali oriġinali li se jittella’ aktar tard matul l-2026. Eċitata ħafna għal dan il-proġett li laqqagħni ma’ tim ta’ kreattivi li se nkun qed naħdem magħhom għall-ewwel darba. Mhix produzzjoni tiegħi u għaldaqstant ma nixtieqx niżvela wisq dettalji jien imma li nista’ ngħid hu li f’Novembru se nkun parti minn produzzjoni teatrali intriganti mmens. Is-Sajf ser iżommni impenjata wkoll u allura nista’ ngħid li għall-grazzja t’Alla l-2026 qed tieħu diġa’ xejra sabiħa ħafna.

  X’messaġġ tixtieq twassal lis-segwaċi tiegħek dan il-Milied?

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjahom minn qalbi talli jsegwu u japprezzaw xogħli. Grazzi għalihom wasalt biex kważi sitt snin ilu għamilt għażla kuraġġjuża ħafna li apparti li ppermettiet li ngħix il-ħolma tiegħi li nkun attriċi, producer u xandara full-time, kienet ukoll għażla li mlietni b’iktar fiduċja fija nnifsi.  Għal dan il-Milied  l-awgurju tiegħi lil kulħadd hu dak li minkejja l-istorbju li aħna ċċirkondati bih f’dan iż-żmien ta’ festi nixtieq li jisimgħu iktar lilhom infushom. Jisimgħu iktar il-ġewwieni tagħhom. Jagħtu iktar valur lil dak li tassew jimlihom bil-ferħ u l-paċi f’qalbhom u   meta jsibuh iħaddnuh anke jekk dan ifisser għażliet kuraġġjużi, jew bidliet drastiċi imma l-ħajja ssir ferm isbaħ meta nkunu fil-paċi magħna nfusna u nkunu iktar miftuħa għall-imħabba ta’ xulxin.  Ejjew ngħixu dak li tassew inissel il-ferħ f’qalbna. 

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI