Kollox jinsab lest għat-tieni edizzjoni ta’ Una Notte Con Le Stelle, hekk kif fadal biss ftit jiem biex il-Fosos tal-Furjana jinbidlu f’palk spettakolari li se jilqa’ wħud mill-aktar ismijiet magħrufa u maħbuba fix-xena mużikali Taljana. Nhar is-Sibt 5 ta’ Settembru, madwar 10,000 spettatur mistennija jinġabru fuq il-Fosos għal serata li se tlaqqa’ flimkien lil Loredana Bertè, Fausto Leali, Patty Pravo u Raf – erba’ artisti li tul is-snin ħallew marka importanti fil-mużika Taljana.

Il-preżentazzjoni tas-serata se tkun f’idejn Lorella Cuccarini, waħda mill-aktar personalitajiet popolari tat-televiżjoni Taljana, flimkien mal-ġurnalist u preżentatur Malti Keith Demicoli. Iżda l-ismijiet kbar ma jiqfux hemm. Il-kunċert se jiftaħ bi prestazzjoni mill-Four Italian Tenors, filwaqt li Malta se tilqa’ wkoll lil Ambra Angiolini u Cristiano Malgioglio.
Fost il-mistednin se jkun hemm ukoll żewġ uċuħ familjari ħafna għal dawk li jsegwu Amici di Maria De Filippi – Alessandra Celentano u Rudy Zerbi, li se jagħmlu dehriet speċjali matul is-serata. Una Notte Con Le Stelle mhux biss se tlaqqa’ għadd ta’ stilel Taljani fuq palk wieħed, iżda se tinkludi wkoll premjijiet speċjali bħala rikonoxximent għall-kontribut artistiku ta’ wħud mill-protagonisti tas-serata.

B’lista bħal din ta’ artisti u personalitajiet magħrufa, il-Fosos jinsabu lesti għal lejl ieħor b’togħma kollha Taljana. Il-biljetti għal Una Notte Con Le Stelle għadhom disponibbli minn ShowsHappening.