Serata li se tiċċelebra t-tonn, il-ħuta sinonima mal-ibħra Maltin u popolari mal-mlatin. Matul l-avveniment Festa Tonn, se jsir bejgħ ta’ tonn frisk minn bejjiegħa tal-ħut lokali. Barra minn hekk, se jkun hemm stazzjon BBQ speċjalizzat bit-tonn, li se jopera bħala r-ristorant prinċipali tal-attività.

L-avveniment se jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ diversi organizzazzjonijiet u għaqdiet mhux governattivi, fosthom il-Girl Guides ta’ Marsaskala, l-Għaqda Sajjieda u Baħħara, l-Għaqda Mużikali Sant’Anna Wied il-Għajn, il-Marsaskala FC Youth Nursery, kif ukoll l-Għaqda tal-Armar Sant’Anna Marsaskala.

Se tiġi stabbilita wkoll żona dedikata għat-tfal, b’attivitajiet bħal stazzjonijiet ta’ artiġjanat, sessjonijiet ta’ juggling bil-ballun, u żona ta’ logħob fuq xarabank apposta – kollha maħsuba biex jakkomodaw tfal ta’ etajiet differenti.

Il-Federazzjoni KFSA se torganizza wkoll kompetizzjoni tas-sajd bħala parti mill-programm uffiċjali tal-ġurnata. Barra minn hekk, diversi dipartimenti tal-Ministeru – fosthom id-Dipartiment tas-Sajd u l-Aquatic Resources Malta (ARM) – se joffru stands edukattivi u interattivi, bil-għan li jipprovdu tagħrif siewi lill-pubbliku.

Ritratt: Facebook / Lisa Gauci, Fabrizio Faniello, Gaia Cauchi
Il-programm se joffri varjetà ta’ attivitajiet u divertiment, taħt il-preżentazzjoni tal-personalitajiet Dan u San. Il-ġurnata se tinkludi spettaklu mużikali kontinwu b’parteċipazzjoni ta’ artisti lokali magħrufa, fosthom Lisa Gauci, Gaia Cauchi, Claudia Faniello, Fabrizio Faniello, u Marisa D’Amato. Matul il-ġurnata, ristoranti fiż-żona se jkunu qed joffru ikel u xorb varjat għal kulħadd, biex jissodisfaw il-gosti diversi tal-viżitaturi.

Ritratt: Facebook / Marisa D’Amato, Claudia Faniello
Bħala attrazzjoni addizzjonali, se jiġu organizzati wkoll boat trips qosra madwar il-port ta’ Marsaskala – esperjenza rilassanti għal dawk li jixtiequ jgawdu l-ġmiel tal-bajja minn perspettiva differenti fuq il-baħar.