Fit-13 ta’ Novembru ntemmet f’Malta l-għaxar laqgħa tal-pajjiżi membri tal-ftehim EUROBATS, li għandu l-għan li jħares il-popolazzjonijiet tal-friefet il-lejl fl-Ewropa. Matul din il-laqgħa ġie adottat l-ewwel pjan strateġiku fit-tul fl-istorja ta’ dan il-ftehim.
Il-pjan strateġiku, li jkopri s-snin bejn l-2026 u l-2038, għandu l-għan li jsaħħaħ il-ħarsien tal-friefet il-lejl permezz ta’ aktar riċerka, monitoraġġ, koperazzjoni internazzjonali u għarfien fost il-pubbliku. Matul il-laqgħa ġew adottati wkoll tliet riżoluzzjonijiet ġodda li jindirizzaw diversi theddidiet għal dawn il-ħlejjaq. Fosthom insibu l-perikli kkawżati minn nases magħmula mill-bniedem, l-impatt tal-installazzjonijiet tal-enerġija solari, kif ukoll il-bejgħ fuq l-internet ta’ friefet il-lejl ibbalzmati jew partijiet minn ġisimhom.
Ġew diskussi wkoll l-effetti tat-turbini tar-riħ fuq dawn il-ħlejjaq, filwaqt li żewġ speċi oħra, Myotis nustrale u Nycteris thebaica, żdiedu mal-lista tal-ispeċi protetti taħt dan il-ftehim. B’hekk, l-għadd ta’ speċi protetti tela’ għal 57. Kevin Mercieca, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), li ospitat din il-laqgħa, saħaq fuq l-importanza tal-koperazzjoni internazzjonali, hekk kif il-ħarsien tal-friefet il-lejl jirrikjedi azzjoni koordinata lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.
Fost l-isfidi li semma hemm l-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli, it-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ħabitats naturali. Is-Segretarjat tal-EUROBATS irringrazzja lill-Gvern Malti talli ospita din il-laqgħa, kif ukoll lill-pajjiżi, l-esperti u l-osservaturi kollha li taw il-kontribut tagħhom. Il-friefet il-lejl għandhom rwol importanti fl-ekosistema tagħna, u d-deċiżjonijiet meħuda f’Malta mistennija jikkontribwixxu għall-ħarsien tagħhom fis-snin li ġejjin.