Għaxar Appartamenti Ġodda Ta’ Akkomodazzjoni Soċjali Se Jinbnew F’Raħal Ġdid

Żewġ proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Raħal Ġdid se jwasslu għall-bini ta’ għaxar appartamenti ġodda, b’investiment totali ta’ madwar €903,000. Il-proġetti qed jiġu żviluppati minn Housing Projects Solutions Ltd (HPS) bil-għan li jiżdied l-għadd ta’ residenzi li l-Awtorità tad-Djar tista’ talloka lil persuni u familji fil-bżonn.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet u saħaq fuq l-importanza ta’ investimenti bħal dawn sabiex aktar persuni li ġenwinament jeħtieġu akkomodazzjoni soċjali jkollhom aċċess għal residenza diċenti. Il-Ministru Bonnici spjega li kull appartament ġdid ifisser opportunità oħra għall-Awtorità tad-Djar biex tgħin persuni u familji li qed jistennew soluzzjoni għall-ħtiġijiet tagħhom. Agħfas HAWN għall-filmat.

L-ewwel proġett, li jinsab fi Triq ix-Xewk, kantuniera ma’ Triq Carmelo Robinich, se jinkludi ħames appartamenti mifruxa fuq ħames sulari, kull wieħed b’kamra tas-sodda waħda. Bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ tħaffir, li warajhom se tibda l-kostruzzjoni. Il-proġett, b’investiment ta’ €440,000, mistenni jitlesta sa nofs Lulju tal-2027.

It-tieni proġett, li jinsab fi Triq Imbroll, se jinkludi ħames appartamenti oħra, kull wieħed b’kamra tas-sodda, studjo separat u kamra tal-banju. Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni diġà laħqu t-tielet sular u mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ Jannar tal-2027, biex imbagħad jingħata bidu għall-fażijiet sussegwenti. L-investiment f’dan il-proġett huwa stmat għal €463,000.

Għal din iż-żjara kienu preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Housing Projects Solutions Thomas Tanti u ċ-Chairman tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI