“Fost L-Ommijiet Kollha Tad-Dinja, Kemm Jien Xortija Tajba Li Int Ommi” – Il-Membru Parlamentari Ivan Castillo B’Messaġġ Mill-Qalb

Il-Membru Parlamentari Ivan Castillo qasam messaġġ mill-isbaħ fuq il-midja soċjali fl-okkażjoni ta’ għeluq snin ommu, fejn esprima l-imħabba u l-gratitudni tiegħu lejn il-mara li tant issagrifikat biex tara li lil uliedha ma jkun jonqoshom xejn.

“Ma, dejjem kont l-ewwel waħda fuq saqajk u l-aħħar waħda li tieqaf biex tistrieħ, biex tara li aħna ma kien jonqosna xejn,” kiteb Ivan, filwaqt li fakkar fis-sagrifiċċji kollha li ommu għamlet matul is-snin, ħafna drabi fis-skiet u mingħajr ma tistenna xejn lura. Huwa spjega kif, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jifhem u japprezza dawk l-affarijiet li meta kien iżgħar forsi kien jieħu bħala xi ħaġa ovvja, fosthom l-ikel għall-iskola, il-ħwejjeġ nodfa u d-dar dejjem miżmuma fl-aħjar kundizzjoni.

“Dak iż-żmien mhux dejjem apprezzajt kollox. Ma għedtlix grazzi biżżejjed. Imma, bla ma kont naf, kont inġorr dik l-imħabba miegħi kuljum,” stqarr Ivan. Fost kliem mimli emozzjoni, huwa rringrazzja lil ommu tal-paċenzja, tal-ħin, tas-sagrifiċċji u tal-imħabba bla kundizzjonijiet li dejjem uriet lejn uliedha.

“Ħabbejtni qabel ma kelli isem, u qabel ma ħadt l-ewwel nifs. U fost l-ommijiet kollha tad-dinja, kemm jien xortija tajba li int ommi,” temm jgħid Ivan, filwaqt li awguralha l-isbaħ xewqat f'għeluq sninha. Messaġġ li jfakkarna kemm hu importanti li napprezzaw lill-ġenituri tagħna u nirringrazzjawhom tas-sagrifiċċji kollha li jagħmlu għalina, anke dawk li xi drabi ma nindunawx bihom.

Awguri mill-qalb lil omm Ivan!

Ritratt:

Facebook / Ivan Castillo

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI