Id-dinja mużikali Maltija tinsab f’luttu hekk kif tħabbret il-mewt ta’ Mro. Lorry Borg, li tul ħajtu ta kontribut importanti lill-mużika f’pajjiżna, partikolarment fil-qasam bandistiku u fit-tagħlim tal-mużika. Fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu kien hemm il-mużiċist u kompożitur Mark Spiteri Lucas, li permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali esprima l-gratitudni tiegħu lejn Mro. Borg għat-tagħlim u l-għajnuna li tah matul is-snin.
"Hekk kif ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt ta’ Mro. Lorry Borg, insellem il-memorja tiegħu u nirringrazzjah tas-sehem kbir li ta fil-qasam mużikali ta’ pajjiżna, partikolarment fil-qasam bandistiku u ta’ kemm għallem nies li komplew jimirħu fil-qasam mużikali," kiteb Mark. Huwa kompla billi rringrazzjah personalment għall-għarfien li għaddielu, speċjalment fit-teorija tal-mużika, li għenu biex ikompli javvanza fil-karriera tiegħu.
"Grazzi mast... grazzi fuq kollox tat-tagħlim siewi li għallimtni, partikolarment fit-teorija tal-mużika li għinni mhux ftit biex komplejt nimxi ’l quddiem." Mark temm il-messaġġ tiegħu billi ta l-kondoljanzi lill-familjari ta’ Mro. Borg, partikolarment lil uliedu Paul, John Ivan u Mike.
Minn Gwida.mt ningħaqdu ma’ dawk kollha li qed isellmu l-memorja ta’ Mro. Lorry Borg u nagħtu l-kondoljanzi sinċieri tagħna lill-familjari u lill-għeżież tiegħu f’dan il-mument diffiċli.