Din hija t-tielet darba li Malta qed tospita l-Junior Eurovision Song Contest, iżda nażżarda ngħid li qatt ma konna daqshekk preparati biex nilqgħu festival ta’ din ix-xorta f’pajjiżna. Mill-organizzazzjoni sal-attivitajiet li qed jiġu organizzati madwar il-festival, din id-darba jidher li tassew ħsibna f’kollox.
L-ewwel darba li ospitajna l-festival, fl-2014, konna rajna palk massiv u impressjonanti fil-Marsa. L-organizzazzjoni kienet waħda tajba ħafna, iżda kienet ukoll l-ewwel esperjenza tagħna u, naturalment, kien għad hemm ħafna x'nitgħallmu. Sentejn wara, fl-2016, il-festival mar fil-Belt Valletta, din id-darba fuq skala ferm iżgħar. Għalkemm l-organizzazzjoni kienet xorta waħda tajba, meta mqabbel mal-ewwel edizzjoni, l-ispettaklu ma kellux l-istess grandjożità.
U issa wasalna għat-tielet darba, din id-darba f’Ta’ Qali. Kif jgħid il-Malti, fuq tlieta toqgħod il-borma! Minn dak kollu li qed naraw, jidher li din id-darba l-organizzaturi għamlu pass importanti ’l quddiem. Iżda għalija, l-isbaħ ħaġa mhijiex biss dak li se naraw fuq il-palk. Hija l-mod kif għażilna li nippreżentaw lil Malta lill-bqija tal-Ewropa.
L-idea li l-festa Maltija tkun fil-qalba ta’ diversi attivitajiet marbuta mal-Junior Eurovision kienet, fil-fehma tiegħi, idea brillanti. Il-festa hija parti essenzjali mill-identità tagħna. Hija taħlita ta’ tradizzjoni, mużika, kuluri, arti, volontarjat u sens qawwi ta’ komunità. Hija xi ħaġa li tagħmilna dak li aħna u li tiddistingwina minn ħafna pajjiżi oħra.
Permezz ta’ dawn l-attivitajiet, id-delegazzjonijiet barranin mhux sempliċement qed iżuru Malta biex jieħdu sehem f’kompetizzjoni mużikali. Qed jingħataw opportunità jesperjenzaw parti mill-kultura tagħna, jifhmu aħjar it-tradizzjonijiet tagħna u jaraw b’għajnejhom dak li pajjiżna kapaċi joffri.
Il-villaġġ tal-Junior Eurovision fil-Qawra kompla jsaħħaħ din l-esperjenza. Dan mhux biss ta spazju lill-festival lil hinn mill-post fejn se jsir l-ispettaklu, iżda ħoloq ukoll opportunità biex kemm il-Maltin kif ukoll il-barranin ikunu parti minn din iċ-ċelebrazzjoni.
Hawnhekk ma nistax ma nagħmilx riflessjoni oħra. Kieku xi darba Malta kellha tirbaħ il-Eurovision Song Contest tal-kbar u tingħata l-opportunità li tospitah, nemmen li din l-istess idea setgħet taħdem mill-isbaħ. Naturalment, festival ta’ dik l-iskala jkun jeħtieġ ferm aktar riżorsi, ippjanar u investiment. Iżda l-kunċett li nużaw il-kultura tagħna, partikolarment il-festa Maltija, bħala element ċentrali tal-esperjenza tal-viżitaturi, huwa wieħed li nemmen fih bis-sħiħ.
B’dan il-mod ma nkunux qed norganizzaw biss festival. Inkunu qed nuru lil Malta fl-isbaħ tagħha. Inkunu qed naqsmu mal-Ewropa, u sa ċertu punt mad-dinja, parti mill-wirt kulturali intanġibbli tagħna. Wirt li mhux biss għandna nkunu kburin bih, iżda li għandna wkoll kull interess li nkomplu nħarsuh u nippromwovuh.
Madankollu, fost dan kollu, hemm punt wieħed li ma nistax ma nsemmix. Għat-tielet darba li Malta qed tospita l-Junior Eurovision, il-kanzunetta li qed tirrappreżentana ma tinkludi lanqas ftit kliem bil-Malti. Għalija din hija opportunità mitlufa. L-istess ġara fl-2014 u fl-2016, meta l-kanzunetti Maltin kienu kompletament bl-Ingliż. U issa, fl-2026, minkejja li qed nagħmlu tant sforz biex nuru l-identità kulturali tagħna, il-lingwa tagħna reġgħet ma sabitx postha fil-kanzunetta li qed tirrappreżentana f’pajjiżna stess.
Ma jfissirx li kanzunetta bil-Malti bilfors tkun aħjar minn waħda bl-Ingliż. Lanqas ma jfisser li rridu nwarrbu l-Ingliż. Iżda nemmen li meta tkun qed tospita festival internazzjonali, għandek opportunità unika biex turi dak kollu li jagħmlek differenti u l-lingwa Maltija hija waħda mill-isbaħ affarijiet li jagħmluna uniċi. Tagħti ċans lilna l-Maltin nisimgħu l-lingwa Maltija, f'kompetizzjoni internazzjonali li qed tittella' f'pajjiżna, mhux xi ħaġa li se tiġri spiss!
Fil-passat kellna lil Ramires bil-kanzunetta Stilla Ċkejkna, kompletament bil-Malti, li kisbet il-ħames post, wieħed mill-aqwa riżultati tagħna f'dawn l-aħħar snin. Kellna wkoll kanzunetti bħal Knock Knock... Boom! Boom! ta' Nicole Azzopardi, Dawra Tond ta' Gianluca Cilia u We Are More ta' Eliana Gomez Blanco, li inkludew diversi frażijiet bil-Malti.
Għalhekk, żgur li mhijiex xi ħaġa impossibbli. Lanqas ma hemm għalfejn il-kanzunetta kollha tkun bil-Malti. Xi ftit kliem, frażi jew saħansitra parti mir-ritornell setgħu kienu biżżejjed biex jagħtu identità aktar Maltija lill-parteċipazzjoni tagħna. Speċjalment din is-sena, meta qed nagħmlu tant biex inpoġġu l-kultura tagħna fuq quddiem. Iżda lil hinn minn din il-kritika kostruttiva, nemmen li għandna għalfejn inkunu kburin b’dak li qed jitħejja.
Għada s-Sibt, Malta se tkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni hekk kif pajjiżna jilqa’ l-finali tal-Junior Eurovision Song Contest. Minn dak li rajna s’issa, ninsab konvint li t-tim tal-produzzjoni għandu aktar sorpriżi mħejjija għalina u li se jkollna ċ-ċans ingawdu spettaklu li jkompli juri l-kreattività, it-talent u l-kapaċitajiet ta’ pajjiżna.
Għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, dan il-festival mhuwiex biss dwar min se jirbaħ jew f’liema post se tispiċċa Malta. Huwa wkoll dwar kif pajjiż żgħir bħal tagħna kapaċi jilqa’ avveniment internazzjonali, jagħtih il-karattru tiegħu u joħloq esperjenza li tibqa’ mfakkra minn dawk kollha li jkunu parti minnha.
Din id-darba jidher li tassew qed nuru l-aqwa tagħna. Jekk tassew fuq tlieta toqgħod il-borma, fiduċjuż li għada nkunu nistgħu ngħidu li Malta mhux biss organizzat festival mill-aqwa, iżda tat ukoll lezzjoni sabiħa ta’ kif il-kultura u t-tradizzjoni jistgħu jingħaqdu mal-mużika biex joħolqu xi ħaġa tassew speċjali.
Ħerqan biex insegwi l-ispettaklu minn pajjiżna. U aktar minn hekk, ħerqan biex nara lil Malta tiddi!
Facebook / Junior Eurovision Song Contest