338 Benefiċjarju Mill-Iskemi Tal-Awtorità Tad-Djar Fl-2025 – Il-Ministru Owen Bonnici Jisħaq Fuq L-Importanza Ta’ Akkomodazzjoni Aċċessibbli

Matul l-2025, total ta’ 338 benefiċjarju għamlu użu minn diversi skemi offruti mill-Awtorità tad-Djar, bil-għan li jingħataw aktar opportunitajiet lil individwi u familji biex isiru sidien ta’ darhom. Il-Ministru Owen Bonnici tkellem dwar l-importanza ta’ dawn l-inizjattivi, filwaqt li rrikonoxxa li għad hemm sfidi marbuta mal-affordabbiltà tal-proprjetà, speċjalment għal dawk li qed isibuha diffiċli biex jixtru l-ewwel dar tagħhom.

"Familja waħda kuljum qed tkompli tibbenefika mill-iskemi offruti mill-Awtorità tad-Djar biex issir sid darha. Fl-istess waqt, aħna konxji li ma nistgħux nieqfu naħdmu biex dawn l-iskemi jilħqu aħjar lil dawk li qed jiffaċċjaw sfidi ta’ affordabbiltà fejn jidħol ix-xiri tad-dar tagħhom," sostna l-Ministru.

Fost l-iskemi offruti hemm l-Iskema tal-10% Depożitu, immirata lejn żgħażagħ ta’ bejn il-21 u d-39 sena li jkunu qed isibuha diffiċli biex ifaddlu biżżejjed flus għad-depożitu meħtieġ biex jixtru proprjetà. Skema oħra hija l-Equity Sharing, maħsuba għal persuni ta’ aktar minn 25 sena li, minkejja d-dħul tagħhom, xorta jsibuha diffiċli biex jiksbu self mill-bank. Din l-iskema għandha l-għan li tgħin biex il-proprjetà ssir aktar aċċessibbli skont il-kapaċità finanzjarja tal-individwu.

In-New Hope Scheme, min-naħa l-oħra, tindirizza l-ħtiġijiet ta’ persuni li jkunu qed jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom iżda li ma jkunux eliġibbli għal polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja, rekwiżit li jista’ jfixkilhom milli jiksbu self. Hemm ukoll l-iskema Sir Sid Darek, li tagħti opportunità lil inkwilini ta’ akkomodazzjoni soċjali biex isiru sidien ta’ darhom, bil-għan li tinkiseb aktar stabbiltà fit-tul għalihom u għal uliedhom.

Il-Ministru Bonnici enfasizza wkoll il-ħtieġa li l-politika tad-djar tkompli tindirizza r-realtajiet differenti tas-soċjetà Maltija. "Irridu soċjetà aktar ġusta, fejn kulħadd ikollu opportunità u ċ-ċans jgħix b’dinjità," sostna. Intant, il-Ministru semma wkoll il-ħidma tal-Fondazzjoni RISE, hekk kif 20 persuna bbenefikaw mis-servizzi tagħha permezz ta’ proprjetà tal-Gvern fil-Belt Valletta, li hija mmexxija u amministrata mill-istess fondazzjoni għall-ġid tas-soċjetà.

"20 persuna bbenefikaw mis-servizzi tal-Fondazzjoni RISE bis-saħħa ta’ proprjetà tal-Gvern li l-Fondazzjoni tmexxi u tamministra fil-Belt Valletta għall-ġid tas-soċjetà," qal il-Ministru. Dawn l-inizjattivi juru l-modi differenti kif proprjetajiet u skemi pubbliċi qed jintużaw biex jindirizzaw ħtiġijiet soċjali, mill-għajnuna għax-xiri tal-ewwel dar sal-appoġġ lil persuni li jeħtieġu servizzi speċjalizzati.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI