Għaddej Ix-Xogħol Biex Wied Speranza Jkun Aċċessibbli Għan-Nies

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implementazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien ma’ Project Green u rappreżentanti mill-Kunsill Lokali tal-Mosta żaru x-xogħol li għaddej f’Wied Speranza fil-Mosta.

Dan ix-xogħol se jwassal sabiex Wied Speranza jingħaqad ma’ Wied il-Għasel u Wied il-Qlejgħa, b’hekk iż-żona ssir aktar aċċessibbli u sigura għan-nies.

Bħalissa għaddej it-tindif tal-wied u tneħħija ta’ speċi invażivi li jagħmlu ħsara lill-ekosistema ta’ dan il-wied, biex imbagħad jiġu mħawla speċi indiġeni li jikkumplimentaw dan il-wied.



Alan Saliba



Ritratt: DOI/ Alan Saliba

Fl-istess waqt għaddej xogħol ta’ restawr fuq il-ħitan tas-sejjieħ li hemm f’dan il-wied. Bħala xogħol preparatorju se jkun qed jiġu mqiegħda coir logs, magħmul minn  materjali biodegradable biex isir livellar tal-passaġġ u jipprevjeni soil erosion.

L-isem ta’ dan il-wied, Speranza, ġej minn isem il-kappella li nbniet fl-1760 u li għandha valur storiku u kulturali kbir għall-komunità Mostija. Inbniet fuq l-għar fejn, skont il-leġġenda, tfajla żagħżugħa kienet moħbija u salvat mill-pirati grazzi għal miraklu attribwit lill-Madonna.

Il-kappella hija dedikata lill-Madonna tal-Isperanza u fiha hemm statwi u pitturi li jirrappreżentaw din il-leġġenda. Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD).



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI