Għada Jagħlaq Sentejn Mejjet, Francesco Spiteri, Żagħżugħ Ta’ Ħmistax-Il Sena Li Tilef Ħajtu Kontra L-Kanċer

Għaddew sentejn minn meta l-familja Spiteri kellha tgħid addiju lil Francesco, żagħżugħ ta’ 15-il sena li ħalla warajh memorji li ż-żmien impossibbli li jħassar.

Francesco kien qed joqrob lejn is-16-il sena meta sfortunatament fis-17 ta' Settembru tilef il-battalja mal-kanċer. Dawk li kienu jafuh jiftakruh bħala ġuvni dejjem bi tbissima fuq fommu, mimli ċajt u ferrieħi, li kien jaf kif ibiddilek il-burdata f'ħakka t'għajn.

Minkejja l-uġigħ u l-isfidi kbar li kien għaddej minnhom, Francesco ma qatax qalbu. Saħansitra rnexxielu jagħmel l-O Levels tiegħu waqt li kien marid u muġugħ, turija tal-karattru kuraġġuż u determinat li kellu.

Għada, il-Ħamis 17 ta’ Settembru, il-familja tiegħu se terġa’ tingħaqad fit-talb f’għeluq is-sentejn minn meta Francesco mar ħdejn il-Bambin. Il-quddiesa għal ruħu se ssir fis-6:00pm fil-knisja Tas-Salib Imqaddes, fiċ-Ċentru Sant’Andrija, f’Ħaż-Żabbar.

Għal ommu Dorianne u l-familja kollha, dawn is-sentejn bla dubju ġabu magħhom ġranet ta’ vojt u niket, iżda wkoll għadd kbir ta’ tifkiriet sbieħ ta’ bin li għalkemm ħalla din id-dinja żgħir wisq, irnexxielu jmiss il-qlub ta’ tant nies.

Francesco għadu mfakkar għax kien persuna maħbuba minn ħafna, u l-vojt li ħalla warajh għadu jinħass sal-lum fost dawk li kienu jafuh, kif ukoll it-tbissima tiegħu għadha tgħix fil-memorji ta’ dawk li kellhom ix-xorti jafuh. Dik it-tbissima li ġġiegħlek bla ma trid titbissem!

Ritratti:

Facebook/Dorianne Spiteri

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI