Għaddejja bħalissa s-16-il edizzjoni ta’ ŻiguŻajg, il-Festival Internazzjonali tal-Arti ta’ Malta għat-Tfal u għaż-Żgħażagħ, li se jibqa’ għaddej sat-22 ta’ Novembru. Il-festival qed joffri programm varjat ta’ produzzjonijiet lokali u internazzjonali, b’attivitajiet li jiċċelebraw il-kreattività, l-immaġinazzjoni u l-iskoperta.
Permezz tat-teatru, il-mużika, iż-żfin, il-films u l-arti viżiva, ŻiguŻajg qed jistieden lit-tfal, liż-żgħażagħ u lill-familji tagħhom jesploraw kulturi differenti, jiskopru perspettivi ġodda u jesprimu l-kreattività tagħhom.

Fost il-produzzjonijiet li qed jiġu ppreżentati din is-sena hemm Ċaff Ċaff ta’ The New Victorians, spettaklu maħsub għat-trabi u għal dawk li jieħdu ħsiebhom, filwaqt li Chalk & Cheese tesplora l-ħbiberija u l-individwalità permezz tal-mima u l-umoriżmu viżiv. Il-produzzjoni Skoċċiża Tongue Twister tiċċelebra l-mużikalità tal-lingwa permezz ta’ spettaklu mimli kuluri u logħob bil-kliem.
Il-programm jinkludi wkoll Sweet & Sour, ONE and THE OTHER, Myths Across the Sea u Up Up Up. Min-naħa tagħha, il-produzzjoni Il-Ħajja Ħolma tat-Truppa Trikki Trakki ta’ Teatru Malta, taħt id-direzzjoni ta’ André Agius, toffri interpretazzjoni kontemporanja tax-xogħol ta’ Calderón de la Barca.

Għaż-żgħażagħ akbar fl-età, Seven Days tindirizza r-relazzjoni mal-mowbajls, id-dipendenza diġitali u l-isfidi tal-ħbiberiji lil hinn mill-iskrin. Fiċ-ċinema ta’ Spazju Kreattiv qed jiġu ppreżentati wkoll il-films Papaya u The Pout-Pout Fish, filwaqt li l-wirja Dream, Dare, Do tħeġġeġ lit-tfal jesperimentaw u jesprimu l-potenzjal kreattiv tagħhom.
Din is-sena ŻiguŻajg qed jasal ukoll Għawdex għat-tielet darba, bil-produzzjoni What’s Missing għall-udjenzi tal-iskejjel. Bejn id-19 u l-21 ta’ Novembru se jsir ukoll il-Programm tad-Delegati, li se jlaqqa’ artisti, produtturi u professjonisti kulturali lokali u internazzjonali għal diskussjonijiet, workshops u opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni.

Il-Festival ŻiguŻajg huwa prodott minn Fondazzjoni Kreattività u l-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, flimkien ma’ diversi kollaboraturi. Dawk interessati li jattendu xi waħda mill-attivitajiet li fadal jistgħu jsibu l-programm sħiħ u aktar informazzjoni dwar il-biljetti fuq www.ziguzajg.org.