Il-paġna popolari tat-temp Mid-Djarju Tat-Timba reġgħet ġibdet l-attenzjoni b’post tipikament dirett, umoristiku u realistiku dwar it-temp ta’ dawn il-jiem, u wkoll dwar ir-reazzjonijiet, kultant kontradittorji, ta’ dawk li jsegwuha.
Fil-messaġġ tagħhom, Mid-Djarju Tat-Timba beda b’aħbar pożittiva, illum u għada mistennija jkunu jiem bnazzi. Huma fakkru li għalkemm ma għandniex nidraw dan, tal-inqas jagħtina ftit nifs wara ġranet instabbli. Madankollu, l-awtur tal-paġna ma naqasx milli jdaħħal nota ta’ realiżmu, billi wissa li t-temp jista’ jinbidel u li wieħed m’għandux joqgħod wisq fuq dan il-kwiet temporanju.
Il-post jagħti wkoll daqqa t’għajn lejn il-pressjoni li ġġib magħha l-komunikazzjoni kostanti fuq il-midja soċjali. Huwa spjega kif, kieku kellu jwieġeb kull kumment u kull mistoqsija li jaslulu, kien jispiċċa jorqod fis-sagħtejn ta’ filgħodu. Minn mistoqsijiet dwar xita tal-ħamrija sa lmenti għax ma nkitbux biżżejjed dettalji, jidher ċar li “ma tista’ tikkuntenta lil ħadd”, kif stqarr hu stess.
F’dak li għandu x’jaqsam mat-tbassir, Mid-Djarju Tat-Timba qal li llum aktarx ikollna jum mhux ħażin, b’ħafna sħab għoli u ċans żgħir ta’ xi raxxa xita. Ir-riħ, min-naħa l-oħra, se jkun sod filgħodu ġej mill-Punent, iżda mistenni jonqos bil-mod il-mod matul il-ġurnata, u sa filgħaxija jista’ jdur anke lejn in-Nofsinhar, dejjem b’intensità moderata.
Għat-tmiem il-ġimgħa, iżda, it-ton jinbidel, aktarx nerġgħu naraw ix-xita. Huwa antiċipa wkoll kritika, speċjalment minħabba l-Karnival, iżda fakkar b’mod ċar li għadna fix-xitwa. Il-messaġġ tiegħu kien wieħed ta’ preparazzjoni u sens komun, wieħed għandu jkun lest għal dak li jista’ jkun, għax il-maltemp “ma jinteressahx minni u minnek”.
Bħas-soltu, il-post ta’ Mid-Djarju Tat-Timba jirnexxilu jgħaqqad informazzjoni dwar it-temp ma’ riflessjoni soċjali, u jfakkarna li, minkejja kollox, in-natura timxi bir-regoli tagħha, u mhux skont l-iskedi jew ix-xewqat tagħna.