“Għandna Bżonn Nieqfu, Nieħdu Nifs U Nitkellmu Meta Nħossu Il-Piż.” – Il-Messaġġ Mill-Qalb Ta’ Thomas Bajada

F’dinja fejn kulħadd jidher li dejjem għaddej bil-ġiri, kultant ninsew li anke aħna għandna bżonn nieqfu ftit u nieħdu ħsieb tagħna nfusna.

Kien dan il-ħsieb li qasam, il-Membru Parlamentari, Thomas Bajada, b’messaġġ li jista’ jolqot lil kull min jipprova jlaħħaq mar-responsabbiltajiet kollha ta’ kuljum, filwaqt li jkun hemm għal dawk ta’ madwaru.

Fil-filmat tiegħu, Thomas jirrakkonta kif f’ġurnata waħda jista’ jkollu diversi rwoli: iben, ħu, ħabib, Membru Parlamentari Ewropew u persuna responsabbli minn tim. Bejn vjaġġ u ieħor, ix-xogħol u l-impenji, faċli tinsa li wara dawn l-irwoli kollha, hemm persuna li wkoll għandha l-ħsibijiet u l-isfidi tagħha.

Ix-xogħol, il-familja, il-kontijiet u l-messaġġi li ma jieqfu qatt, flimkien ma’ dinja li tidher dejjem għaddejja minn kriżi għal oħra, jistgħu jħalluna nħossuna mgħobbija. Għalhekk, Thomas ifakkar fl-importanza li nieħdu ħsieb kemm il-ġisem, kif ukoll il-moħħ. Xi kultant biżżejjed mixja, ftit mistrieħ jew taħdita ma’ persuna li nafdaw u meta jkun hemm bżonn, m’għandniex nibżgħu nfittxu għajnuna professjonali.

Hu jisħaq li m’għandniex għalfejn inġorru kollox waħedna għax waqt li nagħmlu ħilitna biex inkunu hemm għal kulħadd, irridu niftakru li aħna wkoll ħaqqna l-istess imħabba u kura.

Ritratt:

Facebook/Thomas Bajada

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI