Dalgħodu, fl-omelija tiegħu ġewwa l-Kon-Katidral ta' San Ġwann, l-Arċisqof ta' Malta Charles J Scicluna tkellem dwar id-dmir tal-adulti li jfakkru liż-żgħażagħ it-tbatija tal-gwerra sabiex b'hekk tiġi żgurata l-paċi fid-dinja.
Hu tenna dan f'Jum it-Tifkira li ġie ċċelebrat illum fejn tfakkru l-miljuni minn madwar id-dinja li tilfu ħajjithom fiż-żewg gwerer dinjija.
L-Arċisqof sostna li din il-ġurnata mhijiex opportunità sabiex jiġu ċċelebrati xi rebħiet militari, iżda sabiex jingħata ġieħ lil dawk kollha li tilfu ħajjithom fil-gwerra.
F'dan il-kuntest, il-Mexxej tal-Knisja Kattolika f'Malta tenna l-importanza li nagħrfu l-umanità komuni tagħna l-bnedmin.
"Irridu nħarsu lil hinn mid-differenzi li jifirduna u nirrispettaw id-dinjità ta' kull persuna, tkun xi tkun in-nazzjonalità, l-oriġini jew it-twemmin tagħha," saħaq l-Arċisqof.
YouTube / L-Arċidjoċesi ta’ Malta u Facebook / Il-Forzi Armati ta’ Malta