F'indirizz li tat ftit sigħat ilu fil-jum iddedikat għall-prevenzjoni tas-suwiċidju, il-President tar-Repubblika appellat sabiex ilkoll naħdmu ħalli nibnu soċjetà fejn persuna li tkun qed taffaċja problemi ta' saħħa mentali tqis l-għażla li tfittex l-għajnuna bħala att ta' kuraġġ, mhux dgħufija.
Il-President kompliet billi esprimiet it-tħassib tagħha li f'ċerti ċirkostanzi, is-saħħa mentali għadha tiġi trattata b'sens ta' taboo. Filwaqt li tenniet dan, fuq nota iżjed pożittiva, hi rrikonoxxiet li f'dawn l-aħħar snin seħħ progress kbir hekk kif żdied sostanzjalment l-għarfien dwar is-suġġett.
L-Eċċelenza Tagħha spjegat kif din l-istigma mhux biss twassal persuni li jkunu qed isofru minn problemi ta' saħħa mentali sabiex jibqgħu siekta, iżda wkoll tesponihom għal kriżi interna fejn jibqgħu jtellgħu u jniżżlu jekk għandhomx ifittxu l-għajnuna.
"Għalhekk, kull diskors dwar is-saħħa mentali għandu jibda mill-prinċipju li kull persuna għandha tiġi milqugħa bid-dinjità, mismugħa mingħajr preġudizzju u megħjuna mingħajr kundizzjonijiet," sostniet il-President tar-Repubblika.
Hi rreferiet għall-istatistika tal-2025 li tgħid li li l-helpline tas-saħħa mentali 1579 irċieva aktar minn 10,000 telefonata. "Wara kull telefonata hemm persuna li ddeċidiet li ma tibqax waħedha mal-ħsibijiet jew mal-biżgħat tagħha," fissret l-Eċċelenza Tagħha.
Facebook / Myriam Spiteri Debono