Jintlemaħ Bil-Kameras Tas-CCTV Jisraq Televixin Minn Ristorant F’San Pawl Il-Baħar Matul Il-Lejl

Ristorant lokali li jinsab f'San Pawl il-Baħar qed jappella għall-għajnuna tal-pubbliku wara li matul il-lejl allegatament insteraqlu televixin li kien imwaħħal mal-ħajt.

Fuq il-midja soċjali s-sidien tar-ristorant 'The Sea Cloud' tellgħu xi filmati meħuda bil-kameras tas-CCTV fejn fihom, minn żewġ angoli differenti, raġel jidher qiegħed jersaq lejn ir-ristorant u jieħu miegħu televixin imdaqqas. Jidher li dan ġara għall-ħabta tat-2:55.

Is-sidien tar-ristorant allegaw li l-istess persuna serqitilhom ukoll ftit jiem ilu xi siġġijiet. Dwar dan huma tellgħu filmat ieħor meħud bis-CCTV li juri persuna qiegħda tisraq xi siġġijiet mir-ristorant. Madankollu, dan il-filmat ma jurix wiċċ il-persuna.

Fl-istqarrija li kitbu, is-sidien esprimew it-tħassib tal-ħaddiema tagħhom. "Il-ħaddiema tagħna huma ġenwinament imħassba li jistgħu jiġu f'konfront ma' din il-persuna," saħqu s-sidien.

F'dan l-isfond, huma appellaw lil kull min għandu xi tagħrif dwar l-identità ta' din il-persuna sabiex jgħarrafhom minnufih, hekk kif jidher li bħalissa l-pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.

Ritratti:

Facebook / The Sea Cloud – French Bistro, Cocktail & Wine Bar

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI