Il-mexxej ta' waħda mill-kumpaniji ġganti tat-teknoloġija fl-Ingilterra qed ibassar li l-AI tista' twassal sabiex tinstab il-kura għall-kaċner fis-snin li ġejjin.
Mal-BBC, Rene Haas spjega kif matul dawn l-aħħar snin l-isfida ewlenija fit-tfittxija għall-kura tal-kanċer dejjem kienet il-kumplessità enormi ta' din il-marda.
Haas fisser kif minħabba f'hekk, ix-xjentisti dejjem sabuha diffiċli ferm sabiex jifhmu b'mod sħiħ kif id-DNA tal-bniedem jiġi affetwat mill-kanċer; proċess li hu neċessarju sabiex tinstab il-kura għal din il-marda.
L-espert Ingliż tat-teknoloġija qed jisħaq li dan l-ostaklu se jiġi megħlub fis-snin li ġejjin permezz tal-avvanzi li qed iseħħu fl-AI.
"Il-kompjuters tal-AI se jkunu kapaċi jsolvu dawn il-problemi li bħalissa huma tant diffiċli għax-xjentisti umani," saħaq fi kliemu.
Hu wissa li dan il-proċess jeħtieġ iż-żmien għaliex tant hi kkumplikata l-marda tal-kanċer li bħalissa lanqas il-kompjuters tal-AI m'huma kapaċi jsolvu dawn il-problemi tant kumplessi.
"Imma iżjed ma jgħaddi żmien u iżjed ma nagħtu tagħrif lill-kompjuter, iżjed dan se jsir kapaċi u eventwalment żgur li se jirnexxielu jsolvi dawn il-problemi tant ikkumplikati u b'hekk naslu għall-kura tal-kanċer," sostna Haas.
Hu temm jistqarr ukoll il-fehma tiegħu li dan jista' jseħħ fl-għexieren ta' snin li ġejjin, mhux wisq 'il bogħod.
Pexels