Għada Jitfakkru 25 Sena Mill-Attakki Fuq It-Twin Towers Li Ħasdu L-Ħajja Ta’ Kważi 3,000 Ruħ

Fil-11 ta' Settembru tal-2001, id-dinja waqfet ixxukkjata sabiex issegwi x'kien qed jiġri fil-belt ta' New York, fl-Amerka, hekk kif kienu bdew deħlin rapporti li ajruplan kien kraxxja f'waħda mill-binjiet għoljin tal-belt. Ma damx ma sar magħruf li dak li kien qed iseħħ kien attakk terroristiku.

Kienu erba' ajruplani li ġew maħtufa bil-għan li jitwettqu dawn l-attakki. L-ewwel ajruplan kraxxja fit-Torri tat-Tramuntana tal-World Trade Centre fid-8:46. Sbatax-il minuta wara, ajruplan ieħor kraxxja fit-Torri tan-Nofsinhar. Iż-żewġ binjiet kienu magħrufa madwar id-dinja bħala t-Twin Towers.

Madwar 34 minuta wara, fl-9:37, ajruplan ieħor ikkraxja fil-Pentagon, il-binja fil-belt kapitali ta' Washington D.C. li fiha jinsab il-kwartieri ġenerali tal-militar Amerikan.

Kien hemm ukoll ir-raba' ajruplan li aċċidentalment kraxxja f'għalqa abbandunata. L-investigaturi jemmnu li l-ajruplan seta' kellu l-intenzjoni li jikkraxja ġo xi binja importanti oħra fil-belt kapitali Amerikana, bil-White House u l-Capitol fost il-miri possibbli.

It-traġedja kienet ħasdet il-ħajja ta’ 2,977 persuna, mingħajr ma jingħaddu d-19-il hijacker, u ħalliet aktar minn 6,000 persuna midruba. L-attakki kellhom ukoll konsegwenzi fit-tul fuq is-saħħa ta’ eluf ta’ persuni li kienu esposti għad-duħħan u t-trab wara l-kollass tal-binjiet.

Sabiex tiġi mfakkra l-memorja ta’ dawk kollha li tilfu ħajjithom f’din it-traġedja, bħalma jsir kull sena, għada fl-Istati Uniti l-bnadar se jittellgħu mezzasta bħala sinjal ta’ rispett u tifkira. Fl-istess jum jiġi osservat ukoll il-Patriot Day, jum ta’ tifkira għal dawn il-vittmi.

Ritratti:

Facebook / Fire Heroic LLC

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI