Is-Sindku tal-Fgura, Clayton Cascun Portelli, qasam riflessjoni sinċiera dwar in-naħa umana tal-ħajja fil-politika u kemm wara kull kariga hemm persuna li għandha s-sentimenti tagħha.
Is-Sindku qal li, minkejja li ma tantx iħobb jikteb fit-tul, il-kariga ta’ Sindku tirrikjedi ħafna ħin u dedikazzjoni. Huwa sostna, li kull min jidħol għal din ir-responsabbiltà jagħmel dan għax iħobb il-lokal tiegħu u r-residenti tiegħu, u jixtieq jagħti sehmu biex il-komunità tkun aħjar.
Madankollu, ammetta li kultant ikun hemm min jesprimi n-nuqqas ta’ qbil tiegħu b’mod personali u bi kliem li jweġġa’. Għal Cascun, is-sensittività mhijiex dgħufija. Għall-kuntrarju, huwa jemmen li aktar ma persuna tkun kapaċi tħoss ir-rabja, il-frustrazzjoni u d-diżappunt tan-nies, aktar tkun tista’ tifhimhom.
“Il-politika mhijiex għal min ma jħoss xejn,” qal Cascun, filwaqt li fakkar li wara l-kariga u d-deċiżjonijiet hemm persuna, familja u sentimenti. “Dħalt għax nemmen fil-lokal tiegħi u fin-nies li jgħixu fih", saħaq is-Sindku fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu.
Facebook/Clayton Cascun Portelli