“Għażiż Parrinu! Qalbna Tinsab Maqsuma F’Elf Biċċa” – Kurt Calleja Jħabbar It-Telfa Ta’ Zijuh!

Kurt Calleja sellem il-memorja tal-parrinu tiegħu, Ray, b’messaġġ mill-aktar emozzjonanti fuq il-midja soċjali, fejn fakkar ir-rwol importanti li kellu mhux biss f’ħajtu, iżda wkoll fil-ħajja ta’ tant membri oħra tal-familja.

"Għażiż Parrinu! Qalbna tinsab maqsuma f’elf biċċa!" beda jikteb Kurt, qabel iddeskrivieh bħala persuna li "kont parti importantissima mill-ħajja ta’ dawk kollha li ħallejt warajk." Huwa spjega kif zijuh Ray kellu jieħu responsabbiltajiet kbar minn età żgħira, u qal, "Fissidt lil kull min kont tħobb u ta’ età żgħira ġarrejt toqol fuq spallejk li ma kellekx iġġorr! Kellek tieħu rwol ta’ missier ħutek iż-żgħar u kont qisek nannu żgħir għalina u fl-istess ħin ħabib."

Kurt fakkar ukoll il-mument meta għażlu bħala parrinu tal-Griżma tiegħu, u kiteb, "Kemm fraħt meta saqsejtek biex tkun il-parrinu tiegħi fil-Griżma u kemm kienu jgħiduli li kont toqgħod tgħid lin-nies: 'Dak in-neputi tiegħi! Il-kbir t’oħti ż-żgħira!'"

Fost l-aktar memorji li baqgħu f’qalbu kien hemm il-mod kif zijug Ray dejjem kien jieħu ħsiebu u jfittex li jżomm kuntatt miegħu. "Meta kienet tgħaddi xi ġimgħa li ma nkunx ċempiltlek kont tgħidli: 'X’minnek? Fejn hi rasek? Ħadna ħsiebek! Meta ħa narawk? Hawnhekk mhux qisu tiegħek?'" irrakkonta Kurt, filwaqt li żied bi tbissima li wara kien jgħidlu wkoll, "Ġie l-ksur is-sorm!"

Il-kantant semma wkoll kemm il-parrinu tiegħu kien isegwi l-karriera mużikali tiegħu b’interess kbir. "Kont dejjem issaqsini fejn ħa nkanta u jekk tistgħux tiġu! U mbagħad l-għada ħalli għalik biex ittini l-feedback – imma l-ewwel dejjem tibda billi tgħidli: 'Bikkejtni gustuż!'"

Fl-aħħar tal-messaġġ, Kurt indirizza kliem dirett lill-parrinu tiegħu, filwaqt li esprima kemm se jħoss in-nuqqas tiegħu. "Zi – ħa tkun iebsa ħafna mingħajrek – imma issa sarlek il-ħin biex tara lil ommok u lil missierek li tant ħabbejt, u lil ħuk z-ziju George, u ħu z-zija Liz li kontu qiskom aħwa, u mal-Mulej. Strieħ, ziju Ray. Ħu ħsiebna ziju Ray. Inħobbuk ziju Ra."

Il-messaġġ ta’ Kurt qanqal ħafna emozzjoni fost is-segwaċi tiegħu, li ngħaqdu miegħu biex isellmu l-memorja ta’ zijuh Ray u jwasslu l-kondoljanzi tagħhom lill-familja. F'isem it-tim tagħna, ngħaddu kondoljanzi lil Kurt, Kevin u l-kumplament tal-familja.

Ritratti:

Facebook / Kurt Calleja

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI