Ġnien Fil-Mellieħa Mistenni Jissemma Għall-Mibki Eks Superjur Tal-Mużew Fredu Borg

Il-Membru Parlamentari Robert Cutajar ħabbar li proposta li ressaq sabiex ġnien fiż-żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa jissemma għall-mibki eks Superjur tal-Mużew Fredu Borg jidher li ntlaqgħet b’mod pożittiv.

Fuq il-midja soċjali, Cutajar spjega kif f’Marzu li għadda kien tkellem mal-Ministru Miriam Dalli u bagħat ukoll korrispondenza lis-Sindku tal-Mellieħa Gabriel Micallef biex iressaq formalment din it-talba f’isem il-komunità Mellieħija.



Hu qal li fl-aħħar sigħat ġie infurmat li kemm il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kif ukoll Project Green qablu mal-proposta sabiex il-ġnien jingħata l-isem ta’ Fredu Borg.



Robert Cutajar fakkar ukoll kif Fredu Borg kien ingħata l-Ġieħ il-Mellieħa lura fl-2002, fi żmien meta hu kien jokkupa l-kariga ta’ Viċi Sindku flimkien mas-Sindku ta’ dak iż-żmien Joe Borg.

Id-deputat sostna li jinsab kuntent li issa, wara mewtu, Fredu Borg se jibqa’ mfakkar ukoll permezz ta’ ġnien viċin is-sede tas-Soċjetà tal-Mużew, proġett li, skontu, kien ħolom bih u beda minn Fredu Borg innifsu.

Fi tmiem il-messaġġ tiegħu, Robert Cutajar irringrazzja lil dawk kollha li taw widen għal din it-talba li ressaq f’isem il-komunità tal-Mellieħa.



Ritratti:

Facebook / Mellieha Local Council

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI