Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar ħabbar li wara xhur ta’ ħidma u negozjati, issa sar uffiċjalment is-sid il-ġdid tat-Teatru Hompesch, magħruf ukoll bħala t-Teatru ta’ Gennaro.
Din il-proprjetà, li matul dawn l-aħħar madwar 60 sena kienet tintuża bħala maħżen magħruf bħala “ta’ Ċikku taż-żebgħa”, issa se terġa’ tingħata lura lill-pubbliku bħala spazju kulturali fil-qalba tal-lokalità.
Il-Kunsill spjega li sar investiment ta’ €700,000 biex tinxtara l-proprjetà, bil-għan li jiġi protett wieħed mill-aħħar tliet teatri li għadhom jeżistu f’Ħaż-Żabbar.
Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali sostna li dan il-proġett huwa frott ta’ tmexxija u governanza finanzjarja tajba matul l-aħħar snin, tant li seta’ jsir dan l-investiment mingħajr il-ħtieġa ta’ djun jew self.
Ir-ritratt li ġie ppubblikat flimkien mat-tħabbira juri lill-aħwa u kuġini Attard, lin-Nutar Żabbari Joseph Lia, lis-Segretarju Eżekuttiv Stephanie Testaferrata De Noto u lis-Sindku Jorge Grech wara l-iffirmar tal-kuntratt.
Araw il-filmat tas-Sindku Jorge Grech billi tidħlu HAWN.