Għal Philip Vella, il-Milied dejjem kien żmien speċjali, iżda l-memorji tat-tfulija tiegħu jagħmluh aktar għażiż. Huwa jiftakar Milied ferm differenti minn dak tal-lum, fejn l-entużjażmu kien jinħass aktar minħabba s-sempliċità u s-sinifikat profond tal-festi reliġjużi. Dak iż-żmien, ir-rigali kienu rari u għalhekk aktar apprezzati, u l-Milied kien mument veru ta’ stennija u ferħ.
Illum il-ġurnata, minkejja li nbidel ħafna, Philip għadu jħares lejn il-Milied bħala żmien pożittiv u mimli tama. Huwa jistqarr li jħobb il-pożittività li ġġib magħha din il-festa, anke jekk il-ħajja professjonali tiegħu spiss wasslitu jaħdem f’ristoranti proprju fil-ġurnata tal-Milied. Madankollu, qatt ma jonqos li jsib ħin biex jorganizza ikliet u laqgħat sbieħ mal-familja u l-ħbieb.
Meta niġu għall-ikel, Philip jammetti b’tbissima li l-kċina mhijiex il-qasam tiegħu. “Sa toast nasal,” jgħid b’umoriżmu. Iżda għandu passjoni kbira għall-ħelu, speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena. Il-qagħaq tal-għasel u l-mincepies huma fost il-favoriti tiegħu u ma jistax jgħaddi Milied mingħajrhom.
Il-messaġġ tiegħu għall-Milied hu wieħed ta’ riflessjoni u tama. Philip jinnota kif id-dinja bħalissa qed taffaċċja ħafna tensjoni, ġlied u gwerer, frott ta’ egoiżmu u nuqqas ta’ għaqal minn mexxejja li suppost jafu aħjar. Ix-xewqa tiegħu hi li dawn “jaraw id-dawl li toffri l-istilla tal-Milied” u li kulħadd ikun aktar ġeneruż, mhux biss f’dak li hu materjali, iżda wkoll f’kelma ta’ wens u appoġġ lil min jinsab fil-bżonn.
U x’hemm fil-futur għal Philip Vella? Is-sena 2026 tidher li se tkun waħda mimlija mużika. Huwa jħares ’il quddiem biex ikompli jaħdem fuq proġetti mużikali ġodda u, fuq livell personali, jittama li jlesti album ġdid b’kanzunetti oriġinali bil-Malti.
Fl-aħħar nett, Philip bagħat sellima mill-qalb lill-qarrejja kollha tal-Gwida, b’xewqa li l-Milied iġibilhom paċi, ferħ u tama ġdida.