Fra George Micallef ħabbar permezz ta’ messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali li n-nanna tiegħu, Ġuza, għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem matul il-lejl fl-età ta’ 93 sena. Fil-messaġġ tiegħu, huwa spjega li n-Nanna Ġuza mietet ikkonfortata bis-Sagramenti Mqaddsa, filwaqt li esprima l-faraġ li jġib miegħu t-twemmin Nisrani fi żmien ta’ niket.
Fra George fakkar ukoll kif din it-telfa seħħet biss erba’ xhur wara l-mewt ta’ ommu, u qal li llum qed jemmen li ommu u nannitu reġgħu ltaqgħu flimkien fil-Ġenna. “Din hija l-fidi tagħna li ‘għal min jemmen fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx iżda tinbidel’,” kiteb Fra George, hekk kif talab lil Alla jagħti l-faraġ lill-familja u l-mistrieħ ta’ dejjem lin-Nanna Ġuza.
Bosta persuni esprimew il-kondoljanzi tagħhom lil Fra George u lill-familja tiegħu wara t-tħabbira. Il-funeral tan-Nanna Ġuza se jsir nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju fit-8:15 fil-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi.
Minn naħa tagħna, nagħtu l-kondoljanzi sinċieri tagħna lill-familja kollha f’dan il-mument diffiċli.
Facebook / George Micallef