F’era fejn il-mobile sar parti integrali mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, Dr Nicholas Briffa qed jiġbed l-attenzjoni fuq aspett importanti ħafna: il-preżenza vera tal-ġenituri fil-ħajja ta’ wliedhom.
Waqt li kien qed jaħdem fuq seminar li se jmexxi f’Novembru, Dr Briffa qasam riċerka interessanti dwar il-benesseri diġitali. Skont din ir-riċerka, 56% tat-tfal bejn it-8 u s-16-il sena qalu, li l-użu tal-mobile mill-ġenituri tagħhom iwassal biex jintilfu mumenti importanti tal-familja. Barra minn hekk, 48% qalu, li kellhom jirrepetu dak li kienu qed jgħidu minħabba li l-ġenitur kien aljenat bil-mobile, filwaqt li 34% sostnew, li l-ġenitur tilef xi ħaġa li huma riedu juruh.
Dr Briffa enfasizza, li din mhijiex kwistjoni ta’ ħtija, iżda stedina biex wieħed jirrifletti dwar kemm ikun psikoloġikament preżenti ma’ wliedu. Ħafna drabi l-mobile jittieħed b’mod awtomatiku, mingħajr ma wieħed jinduna li għaddew minuti sħaħ waqt li t-tfal ikunu qed jippruvaw jaqsmu xi ħaġa importanti magħhom.
Hu fakkar, li huma proprju dawn il-mumenti żgħar li jgħinu lit-tfal iħossuhom mismugħa u apprezzati. Għalhekk, issuġġerixxa bidliet sempliċi bħalma huma: ħinijiet mingħajr mobiles waqt l-ikel jew qabel l-irqad, it-tifi ta’ notifiki mhux meħtieġa u li meta t-tfal jitkellmu magħhom, il-ġenituri jagħtuhom ftit minuti ta’ attenzjoni sħiħa.
“Il-kuraġġ mhux li nkunu ġenituri perfetti,” jgħid fil-messaġġ tiegħu, “iżda li nagħtu lil uliedna dawk il-mumenti li fihom iħossu li huma aktar importanti minn dak kollu li hemm fuq l-iskrin.”
Facebook/Nicholas Briffa