“U Aktar Ma Jikber, Aktar Qiegħda Nipprova Nagħtih Il-Memorji U L-Esperjenzi Sempliċi Li Kien Ikollna” – Danita Tqajjem Nostalġija Fuq Is-Sjuf Ta’ Dari

Aktar ma jikber Lenny, aktar qed tqum f’qalb Danita minn One Chick and a Yorkie, sens ta’ nostalġija għall-ġranet tas-sajf li kienu jimtlew b’mumenti sempliċi imma speċjali.

F’post fuq Facebook, Danita qasmet ħsibijietha dwar ix-xewqa tagħha li tagħti lil binha dawk l-istess memorji u esperjenzi li kienu jagħmlu t-tfulija tagħha daqshekk sabiħa.

“U aktar ma jikber aktar qiegħda nipprova nagħtih il-memorji u l-esperjenzi sempliċi li kien ikollna aħna ta’ kull sajf,” kitbet, filwaqt li qasmet sensiela ta’ ritratti li jfakkru f’dak is-sajf ta’ dari.

Semmiet dawk il-mumenti li ħafna Maltin jiftakru b’għożża: dik ir-raqda fuq is-sufan wara ġurnata twila l-baħar, il-ħin li tqatta’ tagħmel crafts b’kulma ssib id-dar, l-iljieli f’Għawdex, il-ferħ meta kienet tiġi n-nanna d-dar, u s-sleepovers mal-kuġini.

Fakkret ukoll f’dawk il-pjaċiri żgħar li llum saru memorji kbar — il-ħbieb li kienu jiġu jilagħbu d-dar, il-qbid tal-granċijiet fuq il-blat, tiekol dak li ġabet ommok anke jekk kont tkun tixtieq pizza, il-pakkett crisps fuq iċ-ċint quddiem il-baħar, il-qbiż minn fuq il-moll u l-ħarġiet sempliċi għal mixja u ġelat.

Permezz ta’ kliemha, Danita fakkret li mhux dejjem huma l-affarijiet kbar li jibqgħu f’moħħna, iżda dawk il-mumenti żgħar mimlijin imħabba, familja u ferħ li jibqgħu magħna għal ħajjitna kollha.

Ritratti:

Facebook/One Chick and a Yorkie

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI