Kien żmien fejn affarijiet sempliċi kienu jġibu tbissima kbira. Post fuq il-paġna Strada Stretta qajjem mewġa ta’ nostalġija fost ħafna Maltin hekk kif fakkar il-ġelat slice klassiku, dak b’forma ta’ trianglu, imgeżwer f’karta strazza u servut b’żewġ wafers miegħu.
“Dak kien ġelat!” kitbu dawk li qasmu din il-memorja, waqt li fakkru wkoll lil Mannarinu, wieħed mill-ġelatiera magħrufa ta’ dak iż-żmien. Huwa kien idur bil-vann tiegħu, speċjalment fin-naħa t’isfel tal-Belt Valletta, ibigħ ġelat li kien maħbub minn tant nies.
Għal ħafna, il-ħoss tal-vann tal-ġelat kien sinjal ta’ ferħ, kif ukoll mument li t-tfal kienu jistennew bil-ħerqa. Kienet xi ħaġa żgħira, imma baqgħet imnaqqxa fil-memorja ta’ ġenerazzjoni sħiħa.
Fir-ritratt maqsum, jidher Mannarinu fuq ix-xellug fil-ħanut tiegħu flimkien ma’ Toni Caruana, magħruf bħala s-Sur M’int Xejn. Toni kien ukoll marbut mal-futbol lokali, hekk kif kien serva bħala kit manager ta’ Valletta FC.
Il-mistoqsija li ħarġet minn dan il-post hija waħda sempliċi: min għadu jiftakar lil xi ħadd li kien ibigħ dan it-tip ta’ ġelat fejn trabba? Għax kultant togħma waħda tkun biżżejjed biex terġa’ tiftaħ il-bieb għal memorji sbieħ tal-passat.
Facebook/Strada Stretta