Fl-isfond tal-kontroversja li qamet matul dawn l-aħħar jiem wara li l-Isqof Għawdxi Anton Theuma kkundanna bis-sħiħ li tfal ta’ inqas minn sentejn jitħallew fiċ-ċentri tac-childcares, ilbieraħ fuq Popolin tqanqal dibattitu fejn fost oħrajn esprimiet il-fehma tagħha l-personalità lokali Marica Cassar.
Hi sostniet li l-kliem tal-Isqof qanqal din il-kontroversja għaliex ftit kienu dawk li ħadu l-ħin sabiex isegwu l-omelija ta’ 13-il minuta fit-totalità tagħha. Saħqet li l-midja soċjali lagħbet irwol importanti f’din il-kontroversja hekk kif l-opinjoni ta’ ħafna kienet imsejsa fuq ftit sekondi biss mill-omelija tal-Isqof.
Marica saħqet li matul dawn l-aħħar jiem kellha l-opportunità li titkellem ma’ numru ta’ ġenituri u lkoll stqarrew magħha li kieku jistgħu jixtiequ li jqattgħu iżjed ħin ma’ wliedhom minflok iħalluhom f’ċentru taċ-childcare.
L-attriċi Maltija li hija magħrufa sew għall-ħidma tagħha b’risq il-Caritas semmiet ukoll li hemm għadd ta’ studji mnedija mill-professjonisti li jsaħħu l-kliem ta’ tħassib li esprima l-Isqof fil-kuntest taċ-ċentri tac-childcare.
Facebook / Popolin u Pexels