Wied il-Għasri huwa wieħed mill-isbaħ postijiet li nsibu fil-gżira Għawdxija, magħruf għall-bajja pittoreska tiegħu u għall-ambjent naturali li jdawwarha. Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Kappa Vision qasmu mas-segwaċi tagħhom ftit informazzjoni dwar dan il-post.
Bdew billi qalu, “Wied il-Għasri huwa wieħed mill-aktar widien naturali impressjonanti f’Għawdex. Madankollu, minkejja li huwa wieħed mill-aktar postijiet fotografati fil-gżira, ftit huma dawk in-nies li jagħfu li f’dan il-wied kien hemm sistema antika li kienet tintuża biex jittella’ l-ilma baħar biex jimtlew s-salini tal-madwar.”
Żiedu jgħidu, “Xi affarijiet li forsi ma kontx taf fuq Wied il-Għasri: Is-salini ma kinux jimtlew billi l-ilma kien jinġarr bl-idejn mill-baħar. Ħdejn il-bokka tal-wied hemm xaft magħmul mill-bniedem, imħaffer fil-blat. Fil-passat, in-nies tal-lokal kienu jużaw sistema sempliċi ta’ barmil u taljola biex itellgħu l-ilma baħar minn dan ix-xaft wieqaf (vertikali) u jimlew is-salini li jinsabu fuq l-irdumijiet. Hija biċċa inġinerija tradizzjonali tassew għaqlija li ħafna jgħaddu minn ħdejha mingħajr ma jintebħu biha. Hemm għar moħbi li għandu storja interessanti. Fis-seklu 18, arloġġar lokali ħaffer għar fit-tarf tal-wied u ħoloq dak li llum hu magħruf bħala Għar il-Qamħ. Dan ma nħoloqx bħala attrazzjoni naturali, iżda kien jintuża għal skopijiet prattiċi.”
Qalu wkoll, “Jista’ kważi jisparixxi minn quddiem għajnejk. B’differenza minn ħafna bajjiet u daħliet tal-baħar f’Malta, Wied il-Għasri bilkemm jidher sakemm tasal proprju fuqu. Mill-għelieqi ta’ madwar, il-pajsaġġ jidher ċatt, iżda f’daqqa waħda jinfetaħ f’għadira fonda bejn l-irdumijiet. Huwa għalhekk li ħafna minn dawk li jżuruh għall-ewwel darba jibqgħu mistagħġbin. Dan kollu jfakkarna li dan il-pajsaġġ spettakolari ma kienx biss post li n-nies kienu jammiraw, iżda wkoll wieħed li kienu jaħdmu u jgħixu minnu.”
Kappa Vision