“Ħamrun Wieħed” – Esebizzjoni Li Turi Kif It-Tpinġija Saret Parti Mill-Kultura Ħamruniża

B’tifkira ta’ Jum il-Ħamrun 2026, il-Kummissjoni Żgħażagħ Ġużeppini (KŻĠ) Ħamrun, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali Ħamrun, qed ittella’ l-esebizzjoni fotografika ‘Ħamrun Wieħed’ fis-Sala tal-Kunsill Lokali fi Triq id-Duka ta’ Edinburgh, Ħamrun. Il-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku mit-Tnejn 25 ta’ Mejju sal-Ġimgħa 29 ta’ Mejju 2026.



Il-KŻĠ Ħamrun, li tifforma parti mis-Soċjetà Mużikali San Ġużepp Ħamrun A.D. 1889, ilha snin torganizza inizjattivi kulturali u artistiċi fil-lokalità. Din id-darba, permezz ta’ din il-wirja oriġinali, qed tagħti spazju lil dawk il-passjonijiet u t-tradizzjonijiet li jsawru l-identità Ħamruniża u li ħafna jagħżlu li jġorru magħhom għal dejjem permezz tat-tpinġija fuq ġisimhom.



L-esebizzjoni tiġbor kollezzjoni ta’ ritratti ta’ tpinġija relatati mal-Ħamrun, meħuda minn tliet fotografi Maltin: Marco Bilocca, Mark Mangion u Henry Zammit Cordina. Kull ritratt jirrakkonta storja differenti marbuta mal-imħabba lejn il-lokalità, il-festa, il-mużika u dak kollu li jgħaqqad lill-Ħamruniżi.



Il-wirja ġiet inawgurata nhar it-Tnejn 25 ta’ Mejju 2026 fil-preżenza tas-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut, membri tal-Kunsill Lokali u rappreżentanti tas-Soċjetà Mużikali San Ġużepp.

Ħamrun Wieħed hija ċelebrazzjoni tal-kultura, tal-arti u tal-identità Ħamruniża, wirja li tgħaqqad flimkien il-fotografija u l-arti tat-tpinġija sabiex turi dak li jagħmel lill-Ħamrun komunità tant unika u kburija bil-wirt tagħha.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI