Il-kantant lokali Glen Vella għadu kif nieda l-kanzunetta l-ġdida tiegħu, Dak Li Jien, li fiha jingħaqad mal-vjolinista Bernard Curmi. Il-kanzunetta, akkumpanjata minn vidjow mużikali, twassal messaġġ sabiħ u b’saħħtu dwar l-inklużjoni, l-aċċettazzjoni u l-importanza tal-opportunitajiet indaqs.
Din il-produzzjoni mużikali saret b’kollaborazzjoni ma’ Inklużjoni u l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat. Dak Li Jien hija l-kanzunetta uffiċjali tal-Premju Soċjetà Ġusta 2026, li se jsir nhar it-Tlieta, l-1 ta’ Diċembru.
"Ħares lejn l-affarijiet li kapaċi nagħmel jien, wara kollox aħna lkoll differenti minn xulxin... Kulma ridt li tiftaħli l-bieb tal-opportunitajiet," ikanta Glen. Kliem li għandu jġegħelna nirriflettu dwar kemm hu importanti li nħarsu lejn il-kapaċitajiet ta’ kull individwu, aktar milli lejn il-limitazzjonijiet tiegħu.
Il-kanzunetta għandha kompożizzjoni ta’ Glen Vella u Dominic Cini, fuq lirika ta’ Deo Grech, bi produzzjoni mużikali ta’ Sean Vella. L-irrekordjar tal-vuċi u l-vjolin saru minn Philip Vella, filwaqt li l-vidjow mużikali nħadem minn TRIBE. Il-kunċett oriġinali tal-kanzunetta huwa ta’ Melanie Magri.
Permezz ta’ din il-kanzunetta, Glen u t-tim warajha jfakkruna li d-differenzi bejnietna m’għandhom qatt ikunu ostaklu biex persuna tingħata l-opportunità li turi l-kapaċitajiet tagħha u tilħaq il-ħolm tagħha.
Prosit lil dawk kollha involuti f’din il-produzzjoni lokali li twassal messaġġ tant importanti għas-soċjetà tagħna!
Facebook / Glen Vella