Suċċess Għaż-Żeffiena Maltin Fil-Kampjonati Dinjija Taż-Żfin Fl-Olanda!

Riżultati mill-isbaħ għaż-żeffiena Maltin ta’ Steps Ahead Dance Academy, li rritornaw Malta wara parteċipazzjoni ta’ suċċess fid-Dutch Open Championships, li saru f’Assen, fl-Olanda.

L-akkademja kisbet diversi riżultati prestiġjużi fuq livell internazzjonali, fosthom it-titlu ta’ World Vice Champions, postijiet fil-finali u s-semifinali dinjija, kif ukoll klassifikazzjonijiet fost l-aqwa 12 u 20 fid-dinja. Fost il-kisbiet kien hemm ukoll is-seba’ post fid-dinja u r-raba’ post fil-kategorija Open ta’ taħt il-21 sena.

Żeffiena minn kategoriji ta’ taħt l-10 snin sa taħt il-21 sena rrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjoni kontra wħud mill-aqwa żeffiena individwali u koppji minn madwar id-dinja. F’messaġġ fuq il-mezzi soċjali, Steps Ahead Dance Academy esprimiet il-kburija tagħha b’dawn ir-riżultati, filwaqt li enfasizzat li wara kull kisba hemm sigħat twal ta’ taħriġ, sagrifiċċji, determinazzjoni u ħidma f’tim.

L-akkademja faħħret lil kull żeffien u żeffiena li taw l-aħjar tagħhom fuq il-palk internazzjonali, filwaqt li saħqet li dawn ir-riżultati juru kif Malta kapaċi tikkompeti mal-aqwa fid-dinja. Prosit tassew lil dawn iż-żeffiena kollha li komplew jgħollu isem Malta fix-xena internazzjonali taż-żfin!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI