“Mhux Kull Tbissima Tirrakkonta L-Istorja Kollha” – Roberta Bonello Felice Tiftaħ Qalbha Dwar Il-Ġlieda Tagħha Mal-Infertilità

Il-preżentatriċi ta’ NET TV, Roberta Bonello Felice, qasmet messaġġ personali u emozzjonanti fuq il-midja soċjali, fejn fetħet qalbha dwar il-vjaġġ diffiċli li ilha għaddejja minnu minħabba l-infertilità u x-xewqa tagħha li ssir omm. "Tistgħu tarawni nitbissem, iżda wara bibien magħluqa kien hemm dmugħ u qalb maqsuma b’modi li qatt ma mmaġinajt li kienu possibbli," kitbet Roberta.

Il-preżentatriċi tkellmet dwar il-ħolm li jkollha mara li tixtieq issir omm, mill-għażla tal-ismijiet sa dawk il-mumenti żgħar li timmaġina li għad tesperjenza ma’ wliedha. "Għal xi wħud, il-maternità tiġi faċilment. Għal oħrajn, l-infertilità hija vjaġġ mimli inċertezza, qtigħ il-qalb u tama," kompliet tgħid.

Roberta stqarret li minkejja li t-telespettaturi jarawha titbissem fuq it-televiżjoni u tagħmel xi ħaġa li tħobb, ftit huma dawk li jafu minn xiex tkun għaddejja fil-ħajja privata tagħha. Spjegat ukoll kemm il-kliem ta’ inkoraġġiment mingħand dawk li jwaqqfuha fit-triq jagħtiha faraġ.

Hija indirizzat ukoll il-kummenti dwar il-bidliet fil-piż tagħha, filwaqt li fakkret li ħafna drabi n-nies ma jkunux jafu x’hemm wara dawn il-bidliet fiżiċi. Roberta ħadet l-opportunità sabiex tirringrazzja lill-ġenituri tagħha, lil Omar Zammit u lill-ħabib u t-tabib tagħha, Andrew Sammut, talli kienu ta’ sostenn għaliha matul dan il-vjaġġ.

"Dawn l-aħħar sentejn għallmuni li tista’ tkun grat u fl-istess ħin ikollok qalbek maqsuma. Tista’ tidħaq waqt li tkun qed tbati u jkollok il-fidi minkejja li tkun imbeżża’," kitbet il-preżentatriċi. Roberta temmet il-messaġġ tagħha b’appell sabiex inkunu aktar ġentili ma’ xulxin u ma nissottovalutawx il-qawwa ta’ kelma sabiħa, għaliex mhux kull tbatija hija viżibbli u mhux kull tbissima tirrakkonta l-istorja kollha.

Hija wasslet ukoll messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk kollha li għadhom qed jistennew li x-xewqa kbira ta’ qalbhom issir realtà, sabiex ma jitilfux il-fidi, anke fil-ġranet meta jkun diffiċli li jibqgħu jittamaw. Minn qalbna, nawguraw lil Roberta u lil dawk kollha li għaddejjin minn esperjenza simili ħafna saħħa, kuraġġ u tama.

Ritratt:

Facebook / Roberta Bonello Felice

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI